“Bis-saħħa tal-P33 bqajt naħdem fuq il-baħar” – eks uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta

Kien ftit qabel il-ħdax tas-Sibt filgħodu, x’ħin id-dgħajsa P33 ġiet mgħerrqa fil-ponta taż-Żonqor f’Wied il-Għajn.

Din l-opra tal-baħar kienet patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta, li għamlet żmien twil mitluqa fil-Port il-Kbir.

Warajja għaddejja operazzjoni sabiex din id-dgħajsa P33 titniżżel f’qiegħ il-baħar sabiex tkun t’attrazzjoni għall-bugħaddasa. Aħna tkellimna ma’ persuna li għandha memorji dwar din l-opra tal-baħar.

Waqt din l-operazzjoni, tkellimna ma’ Dominic Vassallo, Belti li kien parti mill-Forzi Armati ta’ Malta li qalilna kif il-P33 kienet l-ewwel opra tal-baħar li ħadem fuqha.

Qal, “Fin-1993 din. Ifhimni din lanċa minn tal-East Germany. Jien għalija kellna tnejn bħalhom, żewġ laneċ ta’ veru dawn. Tgħidx kemm kont għal qalbi fuqhom. Niftakar l-ekwipaġġ kien jgħinni ħafna biex nitgħallem, kont għadni nibda fuq il-baħar. Bis-saħħa t’hekk bqajt naħdem fuq il-baħar imbagħad.”

Dominic qasam esperjenza meta l-Brigadier qalilhom b’biċċa xogħol xejn sabiħa, meta kellhom itellgħu katavru minn ġol-baħar.

Qal, “Qalilna għandna biċċa xogħol illejla, għednilu x’inhi u ħriġna 65 mil għall-katavru. Insomma wasalna għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu u sabu l-ħelicopter. U dan il-katavru kien imqalleb ħafna, kienet qed iżżommu l-lifejacket, kollu snanar, kull sunnara daqsiex u nsomma minn hemm u minn hawn bit-tbatija tellajnih, ma żżarmax ifhimni.”

Waqt din l-operazzjoni interessanti kien hemm preżenti l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, li qal kif din in-niċċa hija importanti hekk kif pajjiżna huwa gżira imdawra bil-baħar.

Saħaq li l-attrazzjonijiet taħt il-baħar se jkomplu jiżdiedu biex pajjiżna jkollu settur turistiku sostenibbli.

Spjega, “Permezz ta’ investiment li jaqbeż il-€250,000 qegħdin naraw li ngħerrqu din il-patrol boat sabiex tkun attrazzjoni oħra turistika għal pajjiżna, b’mod partikolari fin-niċċa tal-għaddis.”

Din l-operazzjoni damet għaddejja ftit aktar minn siegħa, hekk kif kien hemm tug boat u bosta ħaddiema, fosthom ta’ Transport Malta u l-Forzi Armati ta’ Malta.

L-eks uffiċjal tal-Forzi Armati, b’nostalġija u emozzjoni liema bħala, temm l-intervista hekk.

Qal, “Ifhimni nostalġija, nostalġija kbira. Meta kont naf li ġej hawn jien ħadt pjaċir, ħadt pjaċir ħafna u din il-lanċa partikolari kont inħobbha jien.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend