Reazzjoni pożittiva għall-iskema tal-proġetti tas-solar farms

Kienu bosta r-reazzjonijiet pożittivi wara li l-Gvern ħabbar investiment sitta u għoxrin miljun ewro fuq medda t’għoxrin sena biex jinċentiva l-investiment f’solar farms li għandhom kapaċità ta’ akbar minn megwa watt.

Din l-iskema se tkun qed tinċentiva proġetti li joffru installazzjoni b’kapaċità totali ta’ sittax-il mega watt.

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, Deborah Schembri stqarret li din l-iskema se tgħin sabiex il-pajjiż ikollu enerġija li s-sors tagħha ikun wieħed nadif u rinovabbli.

Hija qalet, “Bejn l-iskemi li kienu digà ħarġu u l-iskemi li ġew mħabbra t-Tlieta għandna koperti kemm lid-djar kif ukoll lin-nies fil-kummerċ u issa anke lill-industrija. Jien nispera li jkun hemm ‘take up’ tajjeb ħalli nkunu nistgħu naraw skemi bħal dawn joħorġu sabiex ikollna aktar sostenibbilità fil-pajjiż.”

Għal dawk l-iskemi li kienu diġà nħarġu ftit tax-xhur ilu, intwera ħafna interess fejn sa issa ntalbet allokazzjoni li taqbeż il-massimu ta’ erba’ mega watt.

Andrew Aquilina, Uffiċjal fi ħdan il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji faħħar din l-iskema u aċċenna fuq l-importanza li nagħmlu użu tajjeb mir-riżorsi ta’ pajjiżna.

Huwa stqarr: “Naħsbu li din l-iskema hija skema tajba ħafna u nawguraw ħafna lill-membri tagħna u lin-negozji li jagħmlu użu tajjeb minnha. Aħna nħarsu ’l quddiem sabiex naraw l-ewwel proġetti jiġu implimentati sabiex b’hekk nersqu aktar lejn is-sostenibbilità.”

Ir-riżultat ta’ din l-iskema se tfisser li aħna ngħixu fi kwalità ta’ arja aħjar li tissarraf f’aktar tkabbir ekonomiku, kif ukoll f’dawk in-nies kollha li jgħixu f’pajjiżna.

Filwaqt li faħħret din l-iskema, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli qalet li din l-iskema għall-użu t’enerġija rinovabbli tħares ’il quddiem.

Dan f’kuntest li l-Gvern irid jilħaq il-mira ta’ ħdax punt ħamsa fil-mija ta’ kontribuzzjoni minn enerġija rinovabbli f’pajjiżna.

Portelli sostniet: “Tħabbret skema li tmur ‘il bogħod mill-PVs u l-pannelli solari u se tkun qiegħda tinkludi wkoll l-‘on-shore wind’. Naħseb dan huwa pass pożittiv biex il-pajjiż jibqa’ jaħdem biex jilħaq il-miri li għandu fejn tidħol l-enerġija rinovabbli.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend