Inkjesta Pubblika: Għandna l-kuraġġ li nkomplu nbiddlu

Fil-Parlament, il-Ġimgħa filgħodu kompliet id-diskussjoni dwar ir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Diskussjoni li involviet interventi minn diversi Deputati tal-Gvern.

Fid-diskors tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rrimarka l-kuraġġ li għandu dan il-Gvern sabiex ikompli jbiddel.

Huwa qal, “Għamilna sena u nofs naħdmu bla heda biex dak li kien ħażin qed inbiddluh u għandna kuraġġ li nkomplu nbiddluh. Mhux faċli li trid tibdel minn tiegħek stess mhux faċli imma r-responsabbiltà fuqna qiegħda għax aħna għandna r-responsabbiltà li mmexxu lill-pajjiż. Dik ir-responsabbiltà dħalna għaliha u qed inwettquha.”

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fid-diskors tiegħu tenna li dan il-Gvern se jibqa’ jirriforma bħalma għamel fl-aħħar xhur.

Madankollu tenna li l-Oppożizzjoni ma tistax tabdika minn dmirha bħalma għamlet waqt il-proċess tal-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Ministru Byron Camilleri stqarr: “Meta għamilna dawn ir-riformi u din kienet l-ewwel waħda l-Oppożizzjoni ma kinetx magħna. Imxejn fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. Jekk ridt il-bidla għalfejn dakinhar inti ma kontx favur il-bidla?”

Il-Ministru Miriam Dalli min-naħa tagħha sostniet l-messaġġ tal-Prim Ministru li dan il-Gvern ikompli jisma’ u jwettaq sabiex verament ikollna Malta aħjar.

Hija sostniet: “Irridu nibdlu din il-kultura ta’ konfrontazzjoni f’waħda ta’ djalogu fejn dawk li verament jridu l-ġid għall-pajjiż jistgħu jaħdmu flimkien anke f’mumenti diffiċli bħalma rajna f’dawn l-aħħar xhur minħabba l-pandemija.”

Tul id-diskussjoni minn naħa tal-Gvern intervjena id-Deputat Laburista Jonathan Attard fejn fakkar kif taħt Gvern Laburista il-ġustizzja qed issir tant li persuna diġà nstabet ħatja.

Huwa rrimarka l-importanza wkoll tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fl-inkjesta pubblika fosthom dik li jiġi sostnut il-ġurnaliżmu f’pajjiżna.

Attard saħaq: “Il-fatt li llum ġiet ukoll imressqa ’l quddiem f’din l-inkjesta pubblika tagħti lok biex nixprunaw diskussjoni serja fuq il-ġurnaliżmu fejn tiġi ssalvagwardjata l-libertà tal-espressjoni imma wkoll ikun assigurat it-tisħiħ fil-professjoni ġurnalistika fejn il-ġurnaliżmu serju jkun rikonoxxut u apprezzat.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Nirranġaw il-ħmieġ li ħallew huma ta 25 sena ma jagħmlu xejn! U issa mill-Oppożizzjoni iridu jiddettaw!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend