Il-ballu tal-Qamar t’Awwissu se jsir fil-21 ta’ Awwissu

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ San Anton tħabbar li l-Ballu tal-Qamar t’Awwissu se jsir fil-wieħed u għoxrin t’Awwissu, propju lejliet il-qamar kwinta. Dan se jkun it-tieni ballu waqt pandemija.

Iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Organizzaturi tal-Ballu, il-Marquis Daniel De Petri Testaferrata, stqarr kif din is-sena, l-avveniment se jsir f’data differenti minn tas-soltu. Din xorta hija sinifikanti hekk kif se jkun lejliet qamar kwinta, li fil-ħamsinijiet kien jintuża biex idawwal il-Palazz tal-Verdala.

Qal ukoll li l-organizzaturi se jieħdu kull miżura neċessarja sabiex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa ta’ kull min jattendi.

Huwa spjega: “L-iżjed miżuri bażiċi huma l-ilbies tal-maskri, il-ftit li l-imwejjed iridu jkunu ta’ sitta u mhux iżjed, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, il-fatt li jekk ikun hemm iżjed minn mitejn parteċipant, li jeskludu l-istaff, irid ikollok aktar minn entrata waħda, ħruġ wieħed u iktar faċilitajiet.”

Il-President ta’ Malta, George Vella stqarr kif minkejja l-pandemija, il-Malta Community Chest Fund xorta waħda għandha bżonn injezzjoni regolari ta’ donazzjonijiet.

Qal ukoll li għall-benefiċċju tas-saħħa mentali tal-Maltin u l-Għawdxin, hemm bżonn li ħajjitna jkollha ħjiel ta’ normalità.

Il-President sostna: “Ma nistgħux inċekknu li hemm ftit ta’ marka fuq is-saħħa mentali f’pajjiżna. Meta ngħid immorru lura għall-ħajja soċjali normali, m’iniex ngħid li se nneħħu kollox u mmorru għan-normal, imma bil-mod il-mod, irridu nibdew nerġgħu ngħixu ħajjitna, ma nistgħux nibqgħu magħluqin meta ċ-ċirkostanzi u regolamenti tas-saħħa jippermettulek.”

Kull min jixtieq jattendi dan l-avveniment għandu jżur is-sit augustmoonball.com u jeħtieġ ikollu ċertifikat tal-vaċċin jew test negattiv għall-COVID-19.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend