Titħabbar skema ġdida għal proġetti ta’ solar farms b’kapaċità akbar minn 1MW

Il-Gvern ħabbar skema oħra li tinċentiva investiment f’solar farms b’kapaċità akbar minn mega watt.

Dan b’investiment ta’ €26 miljun fuq 20 sena.

Dan sar waqt konferenza mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli fi Ġnien il-Ġibjun fiż-Żurrieq.

Fil-fatt, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif din l-iskema qed timmira li tinċentiva proġetti li joffru installazzjoni ta’ aktar minn mega watt, b’kapaċità totali ta’ sittax-il mega watt.

Il-Ministru Dalli kompliet tispjega kif l-appoġġ finanzjarju permezz tal-feed-in tariff se jkun stabbilit għall-medja ta’ tnax-il ċenteżmu u seba’ milleżmi għal kull kilowatt, li jvarja skont il-kategorija ta’ installazzjoni.

Hija spjegat ukoll kif din l-iskema tikkumplimenta oħrajn eżistenti li tħabbru biss ftit tax-xhur ilu u li diġà hemm interess fihom hekk kif sa issa intalbet allokazzjoni li taqbeż l-erba’ mega watt peak.

B’hekk issa l-Gvern b’kollox qed jinvesti €76 miljun fuq perjodu ta’ 20 sena.

Qalet, “Meta qegħdin nitkellmu dwar l-allokazzjoni li qegħdin nagħtu għall-investituri li huma interessati qed nitkellmu fuq totall ta’ 47MW li hija allokazzjoni ambizzjuża imma li qed naraw li hemm interess qawwi għaliha.”

Intqal li dan kollu qed isiru ukoll biex tintlaħaq il-mira ta’ Malta għall-kontribuzzjoni nazzjonali mis-sorsi ta’ enerġija rinovabbli li bħalissa hija stabbilita għal 11.5%.

Il-Ministru Dalli temmet tgħid li dawn id-deċizjonijiet qed jittieħdu għaliex fl-aħħar mill-aħħar, ir-riżultat ta’ dan kollu se jfisser kwalità ta’ arja aħjar, tkabbir ekonomiku u investiment fin-nies.

Spjegat, “Dak iħeġġiġna biex naraw li ninvestu aktar fl-enerġija rinovabbli u ninċentivaw sew lill-familji u kif ukoll lill-investituri biex jimxu magħna din it-triq.”

Il-pubblikazzjoni tad-dettalji tekniċi u l-istedina għall-offerti jinsabu fuq is-sit elettroniku tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u bħala Avviż tal-Gvern.

L-offerti sej jkunu qed jintlaqgħu fuq perjodu ta’ 3 xhur bejn is-6 ta’ Awwissu sal-5 ta’ Ottubru mill-istess regolatur.

Fil-każ li jkun hemm allokazzjonijiet li ma jiġux eżawriti, se tingħata l-possibilità biex investituri alternattivi jidħlu għall-allokazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend