Kampanja biex jiġbru l-iskart mill-baħar

Tyres, fliexken tal-ħġieġ, bottijiet u biċċiet tal-ħadid kienu fost l-affarijiet li nstabu taħt l-ilma fix-xatt tal-Isla waqt kampanja ta’ tindif minn Parks Malta u l-Aġenzija tal-Ilma.

F’xemx tiżreġ bosta bugħaddasa u voluntiera oħra xammru l-kmiem sabiex bħala parti mill-kampanja li bdiet fil-ġimgħat li għaddew fuq l-art issa jnaddfu u jsebbħu l-ibħra Maltin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Ilma u l-Enerġija Manuel Sapiano qal kif il-ħaddiema tal-istess aġenzija ngħaqdu bħala parti minn din il-kampanja ta’ messaġġ favur l-ambjent.

Qal, “Sabiex ikun hawn dawn l-avvenimenti ta’ tindif sabiex iqajmu kuxjenza fuq il-bżonn li ma nħammġux. L-Aġenzija għandha tim ta’ impjegati li jinvestigaw mal-kosta u allura jgħoddsu u allura ħsibna li niddiversifikaw il-kampanja billi jkun hemm tindif mal-baħar f’messaġġ favur ambjent aħjar.”

Min-naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta, Adrian Attard saħaq kif it-tindifa tal-lum tikkumplimenta l-kampanja ta’ tindif li bdiet fl-erbatax ta’ Lulju li għadda fil-pajsaġġ Malti.

Spjega li xi ħaġa negattiva se ssarraf f’xi ħaġa pożittiva.

Spjega, “Matul din il-kampanja ta’ tindif Parks Malta flimkien mal-volontarjat u mal-pubbliku, sa issa ġbarna madwar mitejn u ħamsa u sebgħin tunnelata ta’ skart. Dawn ħa jiġu riflessi f’żewġ siġriet għal kull tunnellata, jiġifieri sa issa ħa nkunu qed inħawlu madwar ħames mitt siġra.”

Preżenti l-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma Miriam Dalli qalet kif tul il-kampanja l-voluntiera raw il-bżonn li jippreservaw ukoll l-ambjent marittimu, fejn tenniet ukoll li din l-inizjattiva se tixpruna s-sostennibilità u ambjent aktar nadif.

Il-kampanja għandha għaddejja sal-aħħar ta’ Settembru li ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Mela dawn jitbgħalu u jnaddfu u lil min iħammeġ rari naqbduh! U jerġa jħammeġ. Mhux hekk nagħmel ma noqodx innaddaf il-ħmieġ ta ħaddieħor! Għax ma’ jarawx li jaqbdu lil min iħammeġ?!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend