Is-sajjied dilettanti jistgħu jistadu għal-lampuki b’għajnuna mill-Gvern

Hekk kif qed joqrob  il-bidu tal-istaġun tal-lampuki, il-Gvern se jagħti lis-sajjieda dilettanti numru ta’ rimji u ċimi tal-lampuki madwar il-kosta ta’ Malta u Għawdex, u b’hekk issa dawn jistgħu jibdew jagħmlu din is-sajda tradizzjonali.

Ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet fir-raħal tas-sajjieda, dak ta’ Marsaxlokk, il-Ministru għas-Sajd Anton Refalo, fejn saħaq kif dawn is-sajjieda, meqjusa dilettanti, ma jistgħux jikkumerċjalizzaw is-sajda tal-lampuki.

Id-Direttur tal-Akkwakultura Dennis Calleja spjega ma’ ONE News kif ġew identifikati xi siti fejn dawn jistgħu jistadu.

“Id-Dipartiment identifika żewġ siti partikolari fil-Lvant tal-kosta ta’ Malta kif ukoll sit ieħor fil-Punent tal-kosta, flimkien ma’ numru ta’ żoni oħra fit-tliet mili nawtiċi ‘l barra mill-kosta għal dawk il-bastiment li ma jistgħu joħorġu ’l bogħod.”

Fi ftehim li ġie milħuq mal-Għaqda Sajjieda Dilettanti, hemm li l-lampuki jistgħu jinqabdu biss permezz tas-sajd bir-rixa u l-ebda mod ieħor tas-sajd ieħor ma jista jintuża.

Hawnhekk intqal ukoll li kull rimja tad-dilettanti ma jistax ikollha aktar minn tletin ċima.

Il-Ministru Refalo qal kif din id-darba l-Gvern ħaseb ukoll f’dawn it-tip ta’ sajjieda Maltin u Għawdxin.

“Qegħdin nifirxu f’dan is-settur mhux biss għas-sajjieda tal-kummerċjalizazzjoni imma anke għal dawk dilettanti, bħala Gvern irridu naraw li fl-istaġun tal-lampuki mill-ħmistax ta’ Awwissu sal-aħħar ta’ Diċembru dawn ukoll imorru jistadu.”

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li kull għaqda jew individwu jridu japplika għal permess fuq il-FishApp tad-Dipartiment tas-Sajd, filwaqt li kull individwu jew għaqda jridu jirrappurtaw il-qabda tal-lampuki lill-istess dipartiment.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend