Wara s-surveys ta’ Delia jistaqsu x’se jiġri issa fil-PN ta’ Bernard Grech

Sigħat wara l-pubblikazzjoni ta’ stħarriġ ieħor tal-opinjoni pubblika, ir-reazzjonijiet kienu diversi.

Bosta li jappoġġjaw lill-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kkummentaw u rrimarkaw dwar dak pubblikat il-Ħadd fis-Sunday Times li wera kif il-Partit Nazzjonalista jgawdi appoġġ ta’ 15% inqas mill-Partit Laburista.

Wisq iktar, il-Kap Bernard Grech, li tpoġġa Kap tal-partit wara sajf jaħraq ieħor għall-Partit Nazzjonalista, igawdi appoġġ ta’ 17% biss ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ ikkummissjonat mit-Times.

André Grech, li kien wieħed minn dawk li għen fil-kampanja ta’ Delia, anki fis-sajf tas-sena l-oħra u saħansitra kien fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kiteb fuq facebook.

Huwa nnota kif bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech hemm distakk qawwi fil-fiduċja.

Dak li ġie elett riċentament fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan permezz ta’ elezzjoni każwali anki jekk il-Partit immexxi mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ma ridux li jitfa’ n-nomina ħalli tkun tista’ ssir co-option, staqsa jekk il-Partit Nazzjonalista, li jagħżel il-Kap tiegħu skont is-surveys hux se jibqa’ business as usual.

Editorjal tal-Independent ippubblikat it-Tnejn ukoll innota n-nuqqas ta’ fiduċja f’Bernard Grech u staqsa jekk dawk li jappoġġjaw lil Delia jistgħux iħossuhom inklużi fil-partit wara li huma rrabjati għal mod kif tneħħa l-Kap tagħhom.

Oħrajn ta’ Delia, li għadhom urtati kif il-Kap tagħhom tneħħa anki fuq l-iskuża tas-surveys kitbu dwar kif sena ilu d-deputati Nazzjonalisti marru għand il-President ta’ Malta fil-palazz ta’ Sant’Anton biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.

“Jien hawn, qiegħed nistenna. Intom ġejjin”, kiteb Alan Said b’mod li jinftiehem li kien sarkastiku filwaqt li tefa’ ritratt tal-ġemgħa ta’ esponenti tal-fazzjoni Busuttil li kienu nġabru barra Sant’Anton fosthom Godfrey Leone Ganado.

Ieħor imbagħad fakkar fl-aħħar skuża li ħareġ biha l-Partit Nazzjonalista permezz tal-espert elettorali tiegħu Herman Schiavone.

Dan staqsa jekk issa dan l-istħarriġ ta dan ir-riżultat minħabba l-Olimpjadi, wara li Schiavone kien qal hekk ftit tal-jiem ilu wara stħarriġ tal-Maltatoday.

Qal, “Dan is-survey sar f’mument fejn il-poplu Malti kien moħħu fil-futbol. Is-survey beda fit-28 ta’ Ġunju, it-Tnejn mhux li għadda imma ta’ qabel sa nhar it-Tlieta u allura kellek il-EURO għaddej u l-politika naħseb ħadet it-tieni post f’dak li huwa l-prijoritajiet tan-nies.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend