L-aħħar barbaġann ferħ tal-FKNK jitlibbes iċ-ċurkett

Dan huwa l-aħħar barbaġann ferħ tal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, li tlibbes iċ-ċurkett sabiex ftit xhur oħra jitħalla jtir fis-selvaġġ.

It-Tlieta filgħodu ONE News sebaħ fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett li qed jiġi propju amministrat mill-FKNK sabiex isegwi dan il-proċess importanti fil-proġett tal-Barbaġan.

Proġett li l-għan tiegħu huwa li jżid il-popolazzjoni tal-Barbaġann fis-selvaġġ.

Ma’ ONE News, il-President il-ġdid tal-FKNK Lucas Micallef spjega dan il-proċess tant importanti.

Qal, “Kif rajna rringjajna l-aħħar ferħ mill-Proġett tal-Barbaġjan għal din is-sena, il-ħames ferħ propju. Dawk nimmarkawhom biex fis-selvaġġ inkunu nafu liema huma t-tjur li tlaqna biex ikollna t-traceablilty tagħhom.”

Minn hemmhekk stajna nassistu wkoll għal parti ieħor minn dan il-proċess hekk kif kien imiss l-għalf tal-Barbaġanni li kienu waslu fil-proċess tal-hacking, jiġifieri jintelqu fis-selvaġġ.

Proċess fejn f’kaxxa apposta tliet Barbaġanni oħra bdew jitgħallmu jadattaw għall-madwar u l-ambjent li se jaffaċċjaw malli jintelqu fis-selvaġġ.

Hemmhekk stajna nsegwu tliet Barbaġanni li għalkemm kienu ftit xettiċi mill-lenti tal-kamera li ġibditilhom il-filmat xorta ħallewna naraw il-ġmiel tagħhom hekk kif ftit li xejn għadek tara minnha f’pajjiżna.

Is-Sur Micallef spjega kif l-inħawi tal-Buskett kienu essenzjali sabiex jittellaq proġett ta’ dan it-tip.

Spjega, “L-ewwel fażi kien propju l-Buskett. Il-Buskett huwa post addattat, l-ambjent huwa wieħed sabiħ għalih, nafu li bħala ikel għalihom hawn ħafna u abbundanti biss issa kif dejjem semmejna ħa nibdew nesploraw fis-snin li ġejjin biex il-proġett ma jibqax biss rurali iżda jmur ukoll f’postijiet urbani. Qed nesploraw postijiet li huma bħall-Mellieħa, ċertu widien ukoll.”

Micallef tenna kif il-proġetti ta’ konservazzjoni jikkaratterizzaw ħidma importanti minn naħa tal-Federazzjoni.

Spjega kif bl-irwol il-ġdid tiegħu bħala President tal-Federazzjoni diġà qed jiġu esplorati iktar proġetti ta’ dan it-tip.

Qal, “Dawn il-proġetti barra minn xtutna ilhom snin jiġu esplorati u mħaddna u propju dawn l-aħħar snin qed naraw li qed ikun hemm ir-rieda mill-awtoritajiet u l-Gvern fejn qed jiġu rikonoxxuti proġetti bħal tagħna u b’hekk ħa nkomplu nibqgħu nikbru iktar biex ma jkunux biss ta’ ġid għalina imma għall-Biodiversità ta’ madwarna u kid ukoll l-poplu Malti u Għawdxi wkoll.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend