Ħaddiema kuntenti jfissru servizz aħjar għall-istudenti

Sebgħa u tmenin fil-mija tal-akkademiċi li jgħallmu fi ħdan il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, jaħsbu li l-MCAST joffri opportunitajiet uniċi għall-karrieri u jirrakkomondawh bħala post fejn wieħed għandu jikkunsidra biex jaħdem.

Dan joħroġ minn stħarriġ anonimu li wettaq l-MCAST fi żmien il-pandemija biex jifhem aħjar kif qed iħossuhom il-ħaddiema u x’jista’ jsir biex jitjiebu s-servizzi li jingħatawlhom.

Il-maġġoranza tal-ħaddiema qalu li huma rashom mistrieħa dwar l-impjieg tagħhom u ma jarawx lilhom infushom jitilqu mill-MCAST fil-futur qrib.

Il-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur James Calleja, spjega ma’ dan l-istazzjon il-ħsieb wara stħarriġ bħal dan.

Qal, “X’nistgħu ntejbu f’dal-proġett? Kemm nistgħu dal-kulleġġ nagħmluh post tax-xogħol aktar sigur, aktar attraenti u li jagħti sodisfazzjon f’dawk li huma karrieri? Kemm għall-akkademiċi u anki jekk le, aħna l-importanti huwa li naraw lill-ħaddiema kuntenti l-MCAST biex l-output tagħhom ikun sodisfaċenti, anzi jkun eċċellenti.”

Mhumiex biss l-eluf ta’ studenti li kull sena jitgħallmu fl-MCAST li jingħataw għażla wiesgħa ta’ karrieri fi ħdan il-Kulleġġ, imma anki l-akkademiċi u l-ħaddiema jingħataw l-opportunitajiet biex ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom.

Fost dawk li beda minn lettur u llum qed imexxi Istitut fi ħdan l-MCAST, hemm Stephen Sammut.

Spjega, “Tant kemm aħna kuntenti hawn li nibqgħu naħdmu hawn u jiġuna ħafna opportunitajiet. Eżempju jien kont lettur, imbagħad avvanzajt fil-gradi, għal co-ordinator, deputy director, director, jiġifieri l-istaff hawnhekk għandhom ħafna opportunitajiet biex jimirħu. Ħafna mill-promotions li jsiru huma interni anki l-korsijiet li nagħmlu, l-academic staff huma l-persuni li jkunu in touch mal-industrija u mal-istudenti, huma l-esperti tagħna li jagħmlu l-korsijiet tagħna kurrenti u importanti għall-industrija.”

Wieħed u disgħin fil-mija tal-ħaddiema amministrattivi huma kuntenti b’xogħolhom u jissuġġerixxu l-MCAST lil ħaddieħor bħala post fejn għandhom jaħdmu.

Id-Deputat Prinċipal ta’ din is-sezzjoni ta’ ħaddiema qal li l-kuntentizza tal-ħaddiema, tissarraf f’tagħlim aħjar lill-istudenti.

Qal, “Jekk għandna workforce kuntenta, jekk għandna workforce li ssib l-appoġġ biex toħloq l-aħjar ambjent, ir-riżultat ħa jkun servizz aħjar li se jieħdu l-istudenti lura.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend