Fiduċja b’saħħitha fil-PM u fil-mod kif il-Gvern qed imexxi waqt pandemija – stħarriġ tat-Times

Stħarriġ ikkummissjonat mit-Times juri fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru Robert Abela fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u fil-Partit Laburista fuq il-Partit Nazzjonalista.

L-istħarriġ ippubblikat fis-Sunday Times u magħmul bejn is-Sibt 17 ta’ Lulju u l-Erbgħa 21 ta’ Lulju fost ftit aktar minn sitt mitt ruħ juri wkoll fiduċja fil-ħidma tal-Gvern preżenti waqt pandemija.

L-isħarriġ juri lil Robert Abela fdat minn 44% filwaqt li Bernard Grech huwa fdat minn 17%.

Meta mistoqsija lil min jivvutaw li kieku kellha ssir elezzjoni llum, 57% għażlu lill-Partit Laburista filwaqt li 42% wieġbu li jagħżlu lill-Partit Nazzjonalista.

Dawn iċ-ċifri jagħtu vantaġġ ta’ 3.7% iżjed lill-Partit Laburista fuq l-aħħar elezzjoni ġenerali u jfissru distakk ta’ madwar ħamsin elf vot.

Il-Mexxej Laburista huwa fdat minn 82% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017 u minn 8% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa fdat minn 54% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista erba’ snin ilu u minn 3% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017.

It-Times qalet li 38% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ma qalux lil min jivvutaw fl-elezzjoni li jmiss.

Skont dan l-istħarriġ 78% wieġbu li se jerġgħu jivvutaw lill-istess partit li vvutaw għalih fl-aħħar elezzjoni filwaqt li dan l-istess stħarriġ indaga wkoll dwar il-prijoritajiet tal-votanti.

Fil-fatt bosta li lesti jivvutaw lill-Partit Laburista qalu li se jagħmlu dan minħabba l-politika li qed jippreżenta l-partit fil-Gvern u l-bosta inċentivi li ngħataw lin-negozji.

Aktar min-nofs, jiġifieri 54% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li l-Gvern qed imexxi b’mod tajjeb lill-pajjiż, b’29% oħra jaħsbu li l-Gvern mhux qed imexxi tajjeb.

Kważi nofs dawk li wieġbu li l-Gvern qed jamministra sew lill-pajjiż irrispondew hekk minħabba l-amministrar tal-Gvern waqt pandemija.

Terz minnhom wieġbu hekk minħabba l-qagħda ekonomika b’saħħitha ta’ Malta filwaqt li madwar 20% oħra rrimarkaw għal mod tajjeb li qed jaħdem il-qasam tas-saħħa waqt l-imxija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend