Sa issa ntefqu €16-il miljun f’vouchers tal-Gvern

Il-Gvern ħabbar li sa issa ntefqu €16-il miljun f’vouchers.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri l-Ħamis filgħodu hekk kif spjega li din iċ-ċifra tindika li b’hekk ġew imsarrfa man-nofs miljun (500,000) voucher.

€6 miljun minn nefqa totali ġew mill-vouchers diġitali filwaqt li €10 miljun ġew mill-vouchers ipprintjajti.

B’kollox ġew imsarrfa €9.2 miljun f’vouchers ħomor u €6.9 miljun f’vouchers blu.

Il-Ministru Schembri spiega wkoll kif in-nefqa medja permezz tal-vouchers bejn il-ġranet tat-Tnejn u l-Ħamis kienet ta’ €390,000.

Dan filwaqt li fi tmiem il-ġimgħa, in-nefqa medja żdiedet għal €624,000.

Huwa spjega wkoll kif l-effett multipliku għal dan it-tieni rawnd ta’ vouchers mistenni jiżdied aktar minn dak tal-ewwel rawnd.

Il-Ministru Schembri stqarr: “Din id-darba qed nistennew li l-effett multipliku jkun saħansitra akbar għaliex inti għandek in-nies li huma vaċċinati u allura hemm aktar seħan il-moħħ li dak li jkun jista’ joħroġ u jieħu pjaċir u apparti minn hekk  għandna l-ekonomija li hija ħafna aktar miftuħa mill-ewwel edizzjoni.”

B’kollox madwar Malta u Għawdex hawn 6,677 ħanut u stabbiliment li jaċċettaw il-vouchers. 4,092 jaċċettaw il-vouchers il-blu filwaqt li 2,585 jaċċettaw dawk ħomor.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Schembri tenna wkoll kif fl-4 ta’ Lulju tqassmu l-vouchers kollha lit-328,503 persuna eliġġibbli għalihom.

B’kollox 290,652 persuna ffirmaw għalihom u ħaduhom b’mod fiżiku. B’hekk jifdal biss 37,851 persuna li għadhom ma ġabrux il-vouchers. Dawn il-persuni jridu jmorru fil-fergħa tal-Maltapost indikat lilhom, b’karta tal-identifikazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġbruhom.

Il-Ministru Schembri spjega li min ma jafx f’liema fergħa jrid jiġbor il-vouchers tiegħu jista’ jintraċċahom online.

Huwa sostna: “Għamilna sezzjoni apposta fuq il-website tal-Mimcol fejn dak li jkun idaħħal l-ID Card tiegħu u n-numru tad-dokument li jinsab fuq wara tal-ID Card u hemmhekk titlagħlu l-informazzjoni kollha assoċjata mal-voucher tagħhom. Jiġifieri t-tracking number u kif ukoll fejn jinsab il-voucher tiegħu fl-uffiċċju postali tal-Maltapost. Hemmhekk dak li jkun irid iżomm kopja ta’ dak in-numru jew jiktbu fuq karta jew jieħu screenshot u jmur bl-ID Card b’mod personali sabiex jiġbor dak il-voucher.”

Dawk li kienu fil-proċess li jġeddu l-karta tal-identità jew il-permess ta’ residenza qabel l-aħħar t’April u issa għandhom d-dokumentazzjoni meħtieġa, jistgħu jikkuntattjaw lill-customer care sabiex jinħarġilhom voucher, fuq in-numru 80074904 jew fuq vouchcersmimcol.com

B’kollox it-taqsima tal-Customer Care tal-Mimcol wieġbet 33,311 telefonata u 11,600 email.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *