Orban isejjaħ referendum fuq il-liġi kontroversjali tal-LGBTIQ

Il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban sejjaħ referendum dwar il-liġi kontroversjali li għaddiet f’dan il-pajjiż li permezz tagħha se jkun ipprojbit l-għarfien dwar l-omosesswalità u l-bidla fil-ġeneru, fost it-tfal fl-iskejjel.

Orban ħabbar dan wara li l-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni legali kontra l-Ungerija, minħabba din il-liġi.

Dawk li huma favur din il-liġi qed jargumentaw li din il-liġi hija mmirata biex tipproteġi lit-tfal, iżda dawk li qed jopponuha qed jisħqu li din il-liġi qed tħallat il-pedofelijia mal-omosesswalità, filwaqt li toħloq stigma fuq l-komunità LGBTIQ.

Orban sostna li fir-referendum se jkun hemm ħames mistoqsijiet, waħda minnhom se tkun se għandux ikun permessibbli li fl-iskejjel isir diskors fuq is-sesswalità tat-tfal, mingħajr il-permess tagħhom.

S’issa għadha ma tħabbritx data ta’ meta se jsir dan ir-referendum, li se jsir minħabba l-lista ta’ miżuri li l-Unjoni Ewropea tixtieq timponi fuq l-Ungerija.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen iddeskriviet din il-liġi bħala ta’ għajb u saħqet li l-Unjoni Ewropea se tuża l-poteri kollha tagħha sabiex l-Ungerija tirtira jew tirranġa din il-liġi.

Madankollu, il-proċedura li fetħet l-Unjoni Ewropea tinkludi diversi stadji u tista’ ddum għaddejja s-snin, sakemm fl-aħħar tasal quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li min-naħa tagħha tista’ timponi sanzjonijiet finanzjarji.

L-Ungerija qiegħda saħansitra takkuża lill-Kummissjojni Ewropea li qed iżomm l-approvazzjoni tal-Pjan ta’ Rkupru ekonomiku minħabba n-nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ din il-liġi.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Mela sewwa il-proċeduri kontra dawn idumu s-snin u kontra Malta kemm ifaqqu’ subgħajhom!! Din x’ewropa hi?
    Kollox skont min int.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend