Notifiki

L-IMF jirrevedi ’l fuq it-tbassir ekonomiku għal Malta

Il-Fond Monetarju Internazzjonali rreveda ’l fuq it-tbassir ekonomiku għal Malta.

F’analiżi ekonomika fuq pajjiżna, l-esperti tal-IMF qed jistmaw li sa tmiem din is-sena, il-ġid nazzjonali se jikber b’5.8%.

Dan meta f’April li għadda l-esperti tal-IMF kienu qed jipprevedu li l-ġid nazzjonali jikber b’4.7% u allura l-analisti tal-IMF irrevedew ’il fuq b’1.1% it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta.

Din ir-reviżjoni ’l fuq hija saħansitra akbar minn dik li għamlu l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea.

Intant għas-sena d-dieħla l-Fond Monetarju Internazzjonali qed ibassar li l-ekonomija Maltija se tikber b’6%.

Dan it-tbassir huwa nofs perċentwal iżjed minn dak imbassar qabel.

Dwar l-irkupru mill-pandemija, l-IMF innota r-rispons tal-Gvern Malti biex jilqa’ għall-impatti li ġabet l-imxija tal-Covid-19.

Fil-fatt hawn jissemma kif permezz ta’ bosta miżuri fosthom anki tal-moratorju u differiment tat-taxxa, bosta negozji baqa’ jkollhom il-likwidità.

“The authorities’ swift and bold policy response helped mitigate the impact, preventing large-scale layoffs, bankruptcies, and credit disintermediation.”

F’dan il-kuntest l-IMF ħeġġeġ lill-Gvern biex malli tgħaddi l-pandemija jerġa’ jibni r-riżorsi fiskali tal-pajjiż biex ikollu dak magħruf bħala war chest u jsostni miżuri oħra li bihom ikun ta’ spalla għan-negozji u l-familji.

Ir-rapport tal-IMF faħħar ukoll il-programm ta’ tilqim ta’ pajjiżna u nnota kif il-fiduċja tal-familji u n-negozji diġà laħqet il-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Waqt li nnutaw numru ta’ fatturi li jistgħu jaffettwaw ir-rata ta’ rkupru, l-esperti tal-IMF urew li kontra dawn hawn domanda domestika ferm qawwija.

L-esperti internazzjonali ħeġġew lill-Gvern biex filwaqt li jibda jagħmel tapering ta’ xi miżuri ta’ sostenn, jaqleb miżuri oħrajn fi programmi li jgħinu fit-tkabbir sostennibli tal-ekonomija Maltija.

L-IMF ħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex ma joqgħodx lura milli jgħin in-negozji fejn ikun meħtieġ.

F’dan il-kuntest fi stqarrija l-Gvern innota rapport pożittiv ieħor fuq il-qagħda ekonomika ta’ Malta u qal li għalkemm kelliema tal-Oppożizzjoni jgħidu li l-Gvern m’għandux pjan fiskali u ekonomiku, l-esperti tal-IMF jgħidu li jaqblu mal-istrateġija tal-Gvern, speċjalment fil-qasam tal-infrastruttura.

Fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus, l-IMF jinnota wkoll li dan l-aħħar, l-awtoritajiet Maltin għamlu progress fit-tisħiħ fil-qafas regolatorju kontra l-ħasil ta’ flus u l-frodi.

“Over the past two years, the authorities have made good progress in strengthening the AML/CFT framework, including by addressing technical deficiencies”.

L-esperti tal-IMF ħeġġew lill-Gvern biex jimplimenta l-pjan t’azzjoni maqbul mal-FATF.

Dan filwaqt li sostnew li pajjiżna għandu jkompli jsaħħaħ il-governanza.

Fl-aħħar nett, l-esperti internazzjonali laqgħu d-diversi strateġiji li qed joħroġ bihom l-Gvern biex pajjiżna jwettaq il-qalba diġitali u ambjentali.

Huma sostnew li Malta għandha tibqa’ fost il-pajjiżi pijunieri fl-Ewropa fil-qasam diġitali, filwaqt li laqgħu l-pjan biex pajjiżna jnaqqas l-emissjonijiet.

Fi kliemhom, id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni ta’ pajjiżna huma l-aqwa garanzija ta’ tkabbir akbar u aktar sostenibbli.

Fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan iċ-ċertifikat pożittiv u fissru bħala vot ieħor ta’ fiduċja fl-ekonomija ta’ Malta.

Qal li l-Fond Monetarju Internazzjonali faħħar ir-rispons f’waqtu tal-Gvern Malti u r-riformi li saru favur aktar governanza.

Dan filwaqt li fi stqarrija l-Gvern qal li r-rapport tal-IMF jikkonferma d-determinazzjoni li tinbena prosperità ġdida għal pajjiżna frott riformi progressivi kontinwi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend