Notifiki

Ara kif tista’ tgħin lil din id-debba li nstabet bil-ġuħ u fil-ħmieġ f’bitħa ta’ dar

Dan hu l-istat li fih din id-debba nstabet mill-uffiċjali tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali wara rapport anonimu li daħlilhom.

Din id-debba instabet f’dar fil-Marsa tgħix fil-ħmieġ u bil-ġuħ.

Id-Direttur tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, Patricia Azzopardi spjegat ma’ ONE News kif din is-sejba saret wara rapport anonimu dwar klieb abbandunati.

Madankollu meta marru fid-dar, l-uffiċjali ma sabux klieb iżda debba fil-bitħa tad-dar.

Azzopardi spjegat: “L-uffiċjali tagħna qabdu u marru fuq il-post u meta waslu sabu lis-sid u fetħilhom, staqsewh jekk kienx hemm xi klieb li mhux qed iżommhom b’mod xieraq u qalilhom li għandu debba fil-fatt u qiegħda ġo bitħa. Daħlu jispezzjonaw biex jaraw id-debba kif inhi u sfortunatament sabu li din id-debba qiegħda f’sitwazzjoni ħażina ħafna.”

Din id-debba issa qed tingħata ċans ieħor mal-RMJ Horse Rescue li taħt it-tmexxija ta’ Korin Farrugia, tim ta’ voluntiera b’ħafna dedikazzjoni bħalissa qed jieħdu ħsieb ħamsa u sebgħin żiemel salvati minn ħalq il-mewt.

Korin spjegat kif wara li jaraha veterinarju, id-debba tibda tingħata l-ikel bil-mod il-mod sabiex tiġi mgħejjuna tikseb saħħitha lura.

Hija qaltilna: “Jaraha t-tabib u imbagħad bażikament nimxu fuq il-gwida tiegħu. Jiġifieri jara x’hemm bżonn, x’affarijiet għandna bżonn intuha, jekk għandiex bżonn test tad-demm eċċ, u mbagħad nibdew ngħalfuha bil-mod ħafna ħafna. Jiġifieri meta tkun f’debba f’dan l-istat li ovvjament tkun batiet il-ġuħ importanti li l-ġwies inżiduhulha ftit ftit biex qisna ma nagħtux xokk lil ġisem tagħha stess.”

Korin Farrugia spjegat kif d-destin ta’ dawn iż-żwiemel jiddependi ħafna mill-għajnuna tal-pubbliku.

Qalet kif il-pubbliku għandu l-opportunità li jiffinanzja l-ħarsien ta’ żiemel sakemm dan jiġi addotat u jingħata dar permanenti.

Farrugia sostniet: “Ovvjament il-piż finanzjarju huwa kbir speċjalment għal dan l-ammont kbir ta’ żwiemel u meta jkollna każijiet bħal dawn li dejjem jeħtieġu każijiet speċjali. Jiġifieri jistgħu jgħinuna finanzjarjament, jistgħu jgħinuna billi jiġu jagħmlu l-volontarjat hawnhekk ukoll.”

Kull min jixtieq jagħti daqqa t’id finanzjarjament biex din id-debba issa tingħata ċans ieħor, jista’ jagħmel dan billi jidħol fuq il-paġna ta’ facebook tal-RMJ Horse Rescue u hemmhekk isib id-dettalji kollha neċessarji.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend