Notifiki

Offiżi ta’ natura żgħira bħal ġlied bejn il-ġirien mhux se jibqgħu jitqiesu bħala reat kriminali quddiem il-Qorti

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, ħabbar id-depenalizzazzjoni ta’ ċertu każijiet ta’ ksur ta’ liġi.

Dan huwa proċess fejn offiżi ta’ natura żgħira; bħal per eżempju ġlied bejn il-ġirien, ma jibqgħux jitqiesu bħala reat kriminali quddiem il-Qorti tal-Ġudikatura Kriminali, imma jinstemgħu quddiem il-Kummissarji tal-Ġustizzja.

Preżentament, il-Kummissarji tal-Ġustizzja jisimgħu każijiet marbuta ma’ ksur ta’ liġi, ħafna drabi relatati ma’ okkażjonijiet stradali, ksur ta’ liġi ambjentali jew dawk marbuta mal-liġijiet tal-pandemija.

L-iskop aħħari tad-depenalizzazzjoni ta’ ċertu każijiet huwa biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-Qrati u l-Maġistrati jkunu jistgħu jiffukaw fuq każijiet ta’ natura aktar serja.

Il-Kummissarju tal-Ġustizzja u Imħallef Emeritu, Antonio Mizzi, qal li dan qed isir peress li ż-żmien twil meta l-Qrati ma kinux qed jaħdmu minħabba l-pandemija fl-aħħar sena u nofs, wassal għal dewmien f’ħafna każijiet.

Qal, “Ix-xogħol kiber b’manjiera fenomenali u Maġistrati sfortunatament m’hemmx numru daqstant kbir u allura ridna naraw kif ngħinuhom, apparti li l-Maġistrati llum għandhom xogħol ħafna itwal u ħafna iżjed importanti minħabba r-reati kriminali, money laundering apparti r-reati kollha l-oħra bħal omiċidji, ġlied, droga – dawn kollha affarijiet li għandhom l-importanza tagħhom u allura din hija l-idea, li nħaffulhom xogħolhom. ”

Il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li dan qed isir id f’id mal-viżjoni tal-Gvern biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ effiċjenza f’ċertu setturi tal-Qrati.

Spjega, “Il-viżjoni tal-Gvern hija Qorti iktar effiċjenti. Qorti fejn iċ-ċittadin jinqeda aħjar u focus aħjar tal-Maġistrati tagħna li jagħmlu xogħol iktar importanti biex issir ġustizzja f’pajjiżna.”

Dan huwa biss l-ewwel pass, hekk kif għaddejjin aktar studji tal-liġijiet kollha Maltin biex jiġu identifikati kontravenzjonijiet oħra żgħar li jistgħu jiġu depenalizzati.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Dak li qiegħed jissejjaħ mhux importanti jista’ jkun importanti ħafna għal uħud. Min qallilhom lil-imħallef u lil ministru li ġlieda bejn il-ġirien xi ħaġa żgħira? Sur emeritu il-qorti dejjem bid-dewmien( fejn trid) kienet u ma’ nwaħħlux fil-pandemija għalkemm bħal f’kull ħaġa oħra din affettwat ukoll.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend