Notifiki

Imwettqa 95% tal-miżuri soċjali fil-Budget 2021

95% tal-miżuri soċjali mħabbra fil-budget għal din is-sena ġew imwettqa.

Dan hekk kif minn 18-il inizjattiva, s’issa fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena saru 17-il waħda.

Dan filwaqt li huwa ippjanat li l-miżura li fadal, tkun implimentata.

Fost il-persuni li huma stmati li gawdew minn dawn il-miżuri hemm 95,500 pensjonant u 14,600 anzjan ieħor li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni.

Ma’ dawn kien hemm ukoll 37,000 anzjan li għandhom iżjed minn 75 sena, 23,000, benefiċjarju tal-Għajnuna Supplimentari u ftit inqas minn sebat elef ruħ li jgawdu mill-Għajnuna soċjali.

Fost l-iskemi mwettqa diġà hemm iż-żieda fil-pensjoni kontributorja u mhux kontributorja, miżura li wettqet ġustizzja ma persuni li ħallsu bolol qabel l-età ta’ 19-il sena u żieda fil-bonus annwali tal-anzjani li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni.

Tul din is-sena ġie introdott suppliment addizzjonali fiċ-Children’s Allowance, ġew estizi t-thresholds tad-dħul tal-In-Work Benefit filwaqt li ingħatat għotja ġdida għal Carers ta’ wlied b’diżabilità.

Kien hemm ukoll titjib fir-rati tal-għajnuna supplimentari li gawdew minnhom madwar 23,000 persuna.

F’konferenza tal-aħbarijiet li tat ħarsa lejn ix-xogħol li sar fil-qasam soċjali f’dawn l-aħħar sitt xhur ingħad kif f’Novembru mistennija jsiru l-ħlasijiet lil madwar 5,500 persuna sabiex ikunu indirizzati l-inġustizzji ma’ dawk li kienu fil-korpi ta’ qabel l-1979 jew mal-Gas Board u wara daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku.

Din l-iskema ser issir b’nefqa ta’ disa’ miljun u nofs ewro.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għal Ġustizzja Soċjali, il-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù spjega kif issa beda l-proċess sabiex jitfasslu skemi ġodda li ser ikunu introdotti fil-budget li jmiss għal dan il-qasam.

Qal, “Minn kalkoli li għamilna naraw li ntlaqtu madwar 290,000 persuna jiġifieri qed nitkellmu iktar min-nofs il-popolazzjoni Maltija. Għalhekk huwa importanti.  Naturalment il-ħidma tagħna tkompli.  Minn barra l-miżuri tal-budget aħna x-xogħol tagħna normali jibqa’ għaddej pero issa ovvjament beda l-ippjanar u qiegħdin inħejju għall-budget li jmiss.”

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr kif it-twettiq ta’ dawn l-iskemi huma prova ċara li dak li jwiegħed dan il-Gvern, iwettqu.

Dan filwaqt li spjega kif dawn l-iskemi huma mera ċara tar-ruħ soċjali li għandu dan il-Gvern.

Spjega, “Aħna amministrazzjoni li dejjem emminna fil-ġustizzja soċjali, mhux emminna biss, wettaqniha fil-prattika u morna għas-solidarjetà soċjali.  Fejn noħorġu jdejna u ngħinu lil kull min hu fil-bżonn.  Dik hija l-missjoni tagħna u dik għandha tibqa l-missjoni ta’ dan is-settur kollu kemm hu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend