Notifiki

Simplifikat il-proċess biex tfal b’diżabilità severa jirċievu l-benefiċċju

Aktar minn 100 żagħżugħ u żagħżugħa bid-‘Downs Syndrome’ jew diżabilità severa oħra, mhux se jkollhom għalfejn jidhru quddiem il-Bord Mediku, sabiex jirċievu l-Assistenza tad-Diżabilità Severa.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern hekk kif ġie spjegat li sa issa l-qraba ta’ dawn il-persuni, kellhom japplikaw mill-ġdid, u jerġgħu jitilgħu quddiem il-Bord minħabba li wliedhom jkunu għalqu is-16-il sena.

B’hekk din il-miżura ta’ simplifikazzjoni se twassal għal inqas burokrazija u skariġġ bla bżonn.

Id-Direttur fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, George Cremona, spjega kif din il-miżura ta’ simplifikazzjoni bdiet titħaddem minn Ġunju ta’ din is-sena u ġew notifikati madwar 60 persuna li laħqu jew se jilħqu l-età ta’ 16-il sena bejn Jannar li għadda u x-xahar id-dieħel.

Matul Awwissu se jiġu notifikati dawk eliġibbli taħt din il-miżura ta’ simplifikazzjoni u li se jilħqu l-età ta 16-il sena bejn Settembru u Dicembru li ġej. Dawn jgħoddu madwar 40 persuna.

ONE News ħa r-reazzjoni ta’ Joanne Xerri dwar din il-miżura. Omm persuna bid-Down Syndrome.

Hija qaltilna: “Hija weġgħa li ġenituri dejjem iridu jerġgħu jaffrontaw bords u bords meta nafu li din id-diżabilità mhux se tgħaddilhom jew se jmorru aħjar so inutli li ħa jmorru quddiem bord sempliċiment biex jgħidulhom iva nafu li għandkom Down Syndrome u nitilqu ’l barra allura nafu li din il-miżura se tintlaqa’ tajjeb ħafna mill-membri tagħna.”

Preżenti għal din il-konferenza, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega kif din hija forma oħra ta’ ġustizzja soċjali u li tagħti l opportunità lil kulħadd jilħaq l-potenzjal tiegħu.

Huwa stqarr: “Kemm hu iktar importanti li jirnexxielna bħala żewġ ministeri naħdmu flimkien biex mhux biss nagħmlu l-benefiċċji imma nkunu ta’ sapport anke emozzjalment anke fejn hemm simplifikazzjoni fejn ma hemmx bżonn li jsir test mediku għal persuna li għandu kundizzjoni għal ħajtu, għaliex għandna ngħadduh minn dik l-esperjenza.”

Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli spjegat kif din il-miżura tant bżonnjuża waslet wara konsultazzjoni tal-Gvern mal-imsieħba kollha fis-settur.

Hija sostniet:“Nemmnu li każijiet bħal dawn ta’ simplifikazzjoni huma importanti biex nagħtu ħajja aħjar, ħajja mingħajr skossi u intoppi lil dawn il-persuni u l-familji tagħhom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend