Investiment t’aktar minn €350,000 f’taqsima għat-tindif għall-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar

L-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, il-Qawra, Buġibba u x-Xemxija se jkunu qed igawdu minn taqsima tat-tindif speċjalizzata għal dawk iż-żoni permezz ta’ investiment ta’ tliet mija u ħamsin elf ewro flimkien ma’ nofs miljun ewro f’riżorsi umani kull sena.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’San Pawl il-Baħar, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo sostna kif dawn l-inħawi jgħixu f’realtajiet differenti minn lokalitajiet oħra, u għalhekk il-Gvern ħaseb biex jindirizza dawn ir-realtajiet.

Huwa qal li apparti t-tisħiħ tal-prodott turistiku li se jkun ir-riżultat ta’ dan l-investiment, il-kwalità tal-ħajja tal-eluf ta’ residenti fiż-żona se tkun qed titjieb b’mod sostanzjali.

Il-Ministru Bartolo stqarr: “Dan kollu se jgħin sabiex waqt li nsaħħu t-turiżmu u nagħmluh verament sostenibbli, il-familji Maltin u Għawdxin ikollhom ambjent sabiex jgħixu fih u anke x’igawdu.”

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima stqarr kif dan l-investiment qed isir f’mument opportun.

Għalhekk huwa laqa’ dan l-investiment u f’isem ir-residenti kollha rringrazzja lill-Gvern talli kien ta’ spalla.

Grima sostna: “Il-Kunsill Lokali waħdu ma jistax ikun ilaħħaq ma’ dan l-ammont kbir ta residenti. Min-naħa tal-Kunsill se nibqgħu nsostnu l-ħidma li qed tiġi provduta wkoll mit-Taqsima tat-Tindif.”

Intant fl-istess konferenza tal-aħbarjiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Deo Debattista appella wkoll lill-pubbliku sabiex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u jarmi kull tip ta’ skart b’mod responsabbli, hekk kif bosta problemi ta’ skart fiż-żona jistgħu jiġu evitati mir-residenti stess.

Huwa tenna li issa huwa ż-żmien sabiex tinħoloq aġenzija ta’ infurzar fejn jidħol l-iskart sabiex maż-żmien tkompli tinbidel il-kultura tal-Maltin favur ir-rimi ta’ skart b’mod aktar responsabbli.

Huwa saħaq: “Jien nemmen li wasal iż-żmien li din it-taqsima jkollha wkoll id ta’ infurzar sabiex niggarantixxu li l-liġi tiġi obduta. Il-LESA qed tagħmel ħafna xogħol imma naħseb li jrid ikun hemm ukoll speċjalizzazzjoni rigward dawn il-liġijiet sabiex kemm jista’ jkun ix-xogħol kbir li qed jagħmlu n-nies tagħna mhux biss jidher imma jibqa’ hemm.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend