Fi tliet snin Centrecom żiedet il-ħaddiema b’aktar minn 600 persuna

Fl-aħħar tliet snin il-kumpanija Centrecom, li tipprovdi għajnuna fuq diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, żiedet il-ħaddiema b’aktar minn 600 persuna.

Matul is-sena l-oħra, il-kumpanija Centrecom, irċeviet iżjed minn miljun telefonata marbuta ma’ servizzi offruti taħt il-kappa ta’ servizz.gov, fost telefonati oħrajn li joffru l-assistenza meħtieġa għal servizzi offruti minn entitajiet governattivi oħra.

Fi żjara li l-Prim Ministru Robert Abela għamel fil-call centre ta’ Centrecom fil-Mosta, Dr Abela osserva mill-qrib il-proċess organizzat ta’ kif jittieħdu l-eluf ta’ telefonati kuljum mill-ħaddiema ta’ din il-kumpanija.

Il-Prim Ministru sema’ kif 63% tal-ħaddiema huma nisa u sussegwentament jokkupaw ukoll karigi għolja u maniġerjali fi ħdan il-kumpanija.

Il-kumpanija tħaddan ukoll viżjoni ta’ inklussività u tħaddem ukoll 10 persuni b’diżabilità.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema tad-dedikazzjoni li juru ta’ kuljum biex iżommu lill-pubbliku infurmat dwar servizzi governattivi offruti mis-Servizz Pubbliku u minn entitajiet governattivi oħra.

Innota s-sens ta’ apprezzament li għandhom l-impjegati lejn il-kumpanija fir-rigward tal-flessibilità fil-ħinijiet u miżuri oħrajn li jgħinuhom isibu bilanċ bejn il-familja u x-xogħol.

Fil-fatt żewġ ħaddiema spjegaw xogħolhom u kif il-kumpanija tippermettilhom li jaħdmu u jieħdu ħsieb il-familja.

David Falzon stqarr: “Jiena student naħdem hawnhekk is-Centrecom u jirnexxili nibbilanċja wkoll kemm ix-xogħol u anki l-istudju tiegħi. Dejjem jirnexxili nsib faċilità anki għax jien nieħu t-telefonati, nibgħat email u anki ġieli nieħdu ħsieb il-live chats biex ovvjament ngħin lill-klijenti.”

Diane Caruana qalet, “Ilni naħdem is-Centrecom għal dawn l-aħħar sena u nofs. Qabel kont mara tad-dar u issa li t-tfal kibru ddeċidejt li nerġa’ noħroġ naħdem. Centrecom għalija fetħitli l-opportunitajiet għax bħala ħinijiet għenitni biex sakemm it-tfal ikunu l-iskola jien inkun nista’ noħroġ naħdem.”

Waqt iż-żjara tal-Prim Ministru, il-Kap Eżekuttiv ta’ Centrecom Robert Spiteri qal li l-kumpanija qiegħda kontinwament tinvesti fit-taħriġ tal-ħaddiema filwaqt li tassigura li jkollhom l-aħjar għodda u bl-aktar teknoloġija avvanzata fis-suq.

Dan bil-għan li l-kumpanija tkun tista’ toffri servizz ta’ eċċellenza.

Saħaq li meta Centrecom espandiet fil-Mosta, il-kumpanija mhux biss bdiet toffri servizz lill-klijenti lokali iżda anki dawk internazzjonali.

Qal li dan isir għaliex il-kumpanija tfittex u ssib ħaddiema li huma determinati li joffru servizz ta’ kwalità.

Għaż-żjara tal-Prim Ministru kien hemm preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend