Żieda impressjonanti fin-numru ta’ dawk li vjaġġaw bil-Gozo Channel bejn April u Ġunju

Bejn April u Ġunju li għadda kien hemm żieda qawwija fin-numru ta’ passiġġiera li qasmu l-fliegu bil-vapuri tal-Gozo Channel.

Statistika uffiċjali maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, turi li 907,453 passiġġier vjaġġaw bejn iż-żewġ gżejjer.

Dan ifisser żieda ta’ 56.1% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.

L-akbar ammont ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu kien f’Ġunju fejn matul ix-xahar li għadda użaw is-servizz tal-Gozo Channel xejn inqas minn 383,386 passiġġier.

Din iċ-ċifra f’Ġunju ma tinkludix il-passiġġieri li vjaġġaw bejn Malta u Għawdex bis-servizz tal-fast ferry offrut minn żewġ kumpaniji.

Matul it-tieni kwart ta’ din is-sena kien hemm żieda wkoll tal-karozzi fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.

Fil-fatt dawn ammontaw għal 409,569 vettura, li jfisser 45% iżjed fuq it-tieni kwart tas-sena l-oħra.

Il-vjaġġi bil-vapur t’Għawdex ukoll żdiedu u bejn April u Ġunju li għadda laħqu s-7,255.

Dan fisser żieda ta’ 36% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Il-biċċa l-kbira tal-vjaġġi bil-vapuri tal-Gozo Channel ukoll saru f’Ġunju.

Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, il-port ta’ Ċirkewwa kien l-aktar attiv fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt filwaqt li l-port tal-Imġarr f’Għawdex ra l-aktar attività fil-jiem tal-Ħadd u t-Tnejn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend