Jitlaqqmu 2,461 persuna fl-ewwel jum ta’ vaċċinazzjoni mingħajr appuntament

Fil-Mosta Technopark, iċ-ċentru ta’ vaċċinazzjoni ntlaqa’ b’parteċipazzjoni kbira hekk kif bosta rħewlha lejn dan iċ-ċentru biex jitlaqqmu mingħajr appuntament.

Dan tant li ċ-ċentru li kellu jagħlaq f’nofsinhar spiċċa baqa’ miftuħ ilaqqam in-nies u b’kollox laqqam 2,461 persuna.

Dan permezz ta’ klinika li bdiet iddur diversi lokalitajiet u li t-Tnejn kienet stazzjonata fil-Mosta Technopark.

ONE News tkellem mal-konsulent u kirurgu, Joseph Debono li stqarr kif l-ewwel jum ta’ din il-klinika li tiċċaqlaq minn post għall-ieħor, huwa inkorraġanti ħafna.

Debono qal, “Hija nkoraġġanti li kull min jista’ jiġi għall-vaċċin qed jiġi, sinjal tajjeb.  Sinjal li qed naċċettaw li l-vaċċin jaħdem.”

Huwa spjega kif għalkemm in-nies qed jitlaqqmu bla appuntament, huma qed jingħataw l-attenzjoni kollha filwaqt li qed jittieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn b’rabta mal-proċess tat-tilqim.

Debono rrimarka, “Li qed jiġri bażikament in-nies qed jiġu rreġistrati, inkunu ċerti li qed jgħixu jew jaħdmu Malta, biex inkunu ċerti li huma intitolati għall-vaċċin u mhux just ġew għall-holiday, u bażikament għandna proċess fejn qed jiġu rreġistrati, tingħata l-vaċċin bis-‘safety measures’ li hemm bżonn kollha, u nosservawhom f’area apposta biex ikollna min jieħu ħsiebhom ukoll.”

Din il-klinika nhar l-Erbgħa ser tkun qiegħda fiż-Żejtun fejn jidher li l-knisja saħansitra ser tkun qed isservi bħala post fejn dawk li jmorru biex jitlaqqmu jkunu jistgħu jistennew għal kenn mill-qilla tax-xemx.

Apparti l-klinika li se ddur diversi postijiet f’Malta, wieħed jista’ jmur jitlaqqam l-Università bejn it-Tnejn u s-Sibt u f’Għawdex, wieħed jista’ jmur fiċ-ċentru ta’ vaċċinazzjoni fl-Aurora mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

B’reazzjoni għal din il-konkorrenza qawwija ta’ nies li marru jitlaqqmu bla appuntament fl-ewwel ġurnata li dan kien possibli, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq Twitter ħabbar li 85% tal-adulti f’pajjiżna tlaqqmu minn tal-inqas bl-ewwel doża tal-vaċċin.

Dan filwaqt li 81% tal-adulti tlaqqmu kompletament.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend