Jekk serquk, weġġgħuk, jew anke abbużawk…. din l-Aġenzija se tagħtik l-aqwa protezzjoni biex terġa’ tqum fuq saqajk

Jekk sfajt vittma ta’ reat kriminali, sew jekk kien serq minn darek jew minn fuqek fil-pubbliku, jew anke sfajt vittma ta’ xi forma ta’ abbuż anke sesswali, Aġenzija apposta se tiggwidak u tappoġġjak biex tegħleb dak il-kapitlu li donnu staġnalek ħajtek.

Il-Victim Support Agency twaqqfet f’April li għadda u għadha qed tespandi anke fir-riżors uman. Brian Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, spjegalna li s-servizzi kollha jduru mal-bżonnijiet tal-vittma, skont il-każ tagħha.

Farrugia fissrilna: “L-Aġenzija hija mwaqqfa biex tifhem lill-vittma. Ħafna vittmi tal-kriminalità jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu. Aħna qegħdin hawn biex noffru l-appoġġ u l-għajnuna lill-vittmi tal-kriminalità. L-Aġenzija twaqqfet f’April u hija magħmula minn tim multidixxiplinarju. Għandna membri mill-Korp tal-Pulizija u anke emotional support case officers.”

Spjegalna wkoll li primarjament, l-Aġenzija tispeċjalizza fi tliet tipi ta’ appoġġ lill-vittmi: “Wieħed sapport emozzjonali. Noffru wkoll gwida legali u nagħtu wkoll informazzjoni dwar il-każ. Noffru wkoll ir-raba’ servizz, li f’każ li hemm xi agressur li qed jinżamm fil-ħabs, aħna ninfurmaw lill-vitma meta l-persuna tkun ħierġa mill-ħabs.”

Qalilna wkoll x’tip ta’ vittmi l-aktar li jersqu ‘l quddiem u jitolbu l-għajnuna: “Kieku kellna nagħmlu klassifika żgħira, qed naraw ħafna rapporti ta’ vjolenza domestika, segwit minn serq u frodi. Dak hu sinjal li l-għarfien qed jikber, u hu sinjal ukoll li rridu nkabbru l-għarfien fuq offiżi kriminali oħra.”

Kull informazzjoni li għandek bżonn dwar ħidmet l-aġenzija tista’ ssibha fuq is-sit stophate.gov.mt, u tista’ tkun assigurat li l-professjonisti kollha tal-aġenzija se joffrulek l-aqwa protezzjoni u appoġġ.

Farrugia temm jgħid: “Aħna qed ngħidu li meta tiġi għandna, kollox hu kunfidenzjali. M’hemmx għalfejn ikun jaf kulħadd. Ġejt għandna, qed naqduk, għandna nies professjonali u nibqgħu miexjin miegħek it-triq kollha sakemm terġa’ tiġi fuq saqajk u tirkupra minn dak li jkun ġralek.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend