Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija se jiġi riġenerat b’investiment ta’ nofs miljun ewro

Il-pulmun ta’ Santa Luċija li jagħti nifs lin-naħa t’isfel ta’ Malta se jara riġenerazzjoni ta’ nofs miljun ewro biex jinbidel fi spazju miftuħ u rikreattiv.

Ġnien is-Serenità se jinkludi faċilitajiet li minnhom se jgawdu familji Luċjani u tal-madwar.

Dan il-proġett li hija responsabbli tiegħu l-entità Parks Malta, se jimxi fuq it-tradizzjoni Ċiniża ta’ feng shui li tinkludi fiha ċ-ċirku tal-ħajja.

Kull struttura li se ssib postha f’dan il-ġnien se tkun iddisinjata bi ħsieb li tirrifletti l-vjaġġ mit-twelid sal-tmiem, kif spjega d-Direttur Ġenerali tal-entità, Adrian Attard.

Huwa qal, “Din il-parti hija maqtugħa mill-ġnien prinċipali u allura aħna l-ħsieb tagħna kien illi nikkombinaw iż-żewġ siti flimkien biex nagħmlu ġnien wieħed. Il-passaġġ li hawn warajja ħa nkunu qed nerġgħu nibnuh mill-ġdid. Għalfejn? Biex nagħmluh b’disinn imserrep li effettivament jirrifletti prinċipju ta’ dan iċ-ċiklu tal-ħajja.”

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli appellat biex aktar kunsilli jersqu ’l quddiem biex il-Maltin u l-Għawdxin igawdu spazji miftuħa fl-ibliet u l-irħula tagħhom.

Hija sostniet: “Għandna parks kbar f’lokalitajiet differenti imma flimkien ma’ dawk irridu nagħmlu parks fuq skala iżgħar li jkunu fil-qalba u fiċ-ċentru tal-lokalitajiet tagħna. Jien nemmen li b’dan il-mod inkunu qegħdin nagħtu ħajja ġdida lil-lokalitajiet tagħna u nkunu verament qegħdin noffru spazji miftuħa u spazji fejn in-nies flimkien mat-tfal tagħhom jew l-adulti tagħna jew l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jmorru jirrikreaw irwieħhom.”

Is-Sindku ta’ Santa Luċija nnutat kif dan il-proġett kien mixtieq mir-residenti: “Dan il-proġett se jkun ta’ benefiċċju kbir kemm għar-residenti tagħna kif ukoll għan-nies tal-madwar li se jkunu jistgħu jgawdu minn ambjent isbaħ u iktar naturali.”

Dan il-proġett mistenni jitlesta s-sena d-dieħla.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend