Franza: Vaċċin mandatorju għal ċertu ħaddiema u trid turi prova ta’ swab test jew tal-vaċċin biex tirkeb il-ferrovija

Il-President ta’ Franza Emanuel Macron nieda sett ta’ regoli stretti mmirati biex inaqqsu l-imxija tal-Covid-19.

Fost dawn ir-regoli hemm li sal-15 ta’ Settembru li ġej, kull ħaddiem li jaħdem fil-qasam tas-saħħa irid ikun irċieva ż-żewġ dożi tal-vaċċin inkella mhux se jitħalla jidħol għax-xogħol.

L-istess regoli se jkunu qed jgħoddu wkoll għal dawk li jaħdmu f’residenzi tal-anzjani.

F’intervista li ta Macron saħaq li għalissa dawn il-miżuri stretti se japplikaw biss għall-ħaddiema tas-saħħa madankollu m’eskludiex li fil-ġimgħat li ġejjin jiddaħħlu miżuri simili għall-pubbliku inġenerali.

It-Tnejn filgħaxija l-President Franċiż ħabbar ukoll li minn Awwissu sabiex persuna tidħol fiċ-ċinema, teatri, diskoteki, ristoranti jew titla’ fuq ferrovija trid turi prova li jew ħadet il-vaċċin jew inkella kellha test negattiv ta’ swab test tal-Covid-19.

Bil-għan li jkompli jinċentiva lill-poplu Franċiż biex jieħu l-vaċċin, minn Ottubru li ġej kull persuna li tagħmel swab test fi Franza trid tibda tħallas.

Sa issa huma madwar 40% biss tal-Franċiżi li jinsabu mlaqqma kompletament, rata li mhux biżżejjed biex trażżan it-tixrid tal-varjant Indjan magħruf bħala Delta.

Miżuri simili ddaħħlu wkoll fis-seħħ mill-Gvern Grieg fejn mit-Tnejn filgħaxija l-vaċċin għall-ħaddiema tas-saħħa sar ukoll mandatorju.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend