Dawk bi sfidi mentali jitgħallmu jġemmgħu flushom

B’kollaborazzjoni bejn ĠEMMA, il-bank HSBC u s-servizzi għas-saħħa mentali f’pajjiżna, qed jingħata kors dwar kif wieħed għandu jieħu ħsieb flusu bl-aħjar mod lil persuni bi sfidi mentali.

Gilbert Grech, manager bankarju li qed imexxi l-kors, qal li grazzi għal dan it-taħriġ, dawk li jattendu jitgħallmu kif kulħadd jista’ jkollu problemi finanzjari.

Grech spjega, “Is-suġġetti li għallimna kienu fuq it-tipi differenti ta’ infiq u t-tipi differenti ta’ tfaddil, tkellimna wkoll fuq prodotti li jistgħu jinxtraw li jkunu awtonomi nkella kumplimenti. Tkellima wkoll fuq l-importanza ta’ ‘budgeting’ u li jkunu jafu x’inhu d-dħul tal-flus tagħhom u x’inhu l-infiq tagħhom sabiex ovvjament ikunu jistgħu joħorġu d-differenza propju ħabba ‘budgeting’.”

Pierre Azzopardi huwa wieħed minn dawk li attenda l-kors, u stqarr li din l-għajnuna swietlu mitqlu deheb.

Azzopardi stqarr, “Tgħallimt ukoll kif nikkontrolla izjed il-flus, tgħallimt ukoll li qabel ma nixtri nara li dan l-oġġett li għandix verament bżonnu, tgħallimt ukoll li jiena qabel ma nixtri rrid nikkontrolla l-paga tiegħi u nagħmel mezz illi nonfoq inqas milli ndaħħal bħala paga, importanti wkoll.”

L-Occupational Therapist, Stacy Debono, spjegat li meta persuna jkollha sfidi mentali, jistgħu jaffettwawlha l-kapaċitajiet tat-tfaddil.

Debono rrimarkat,“Meta wieħed ikollu problemi ta’ saħħa mentali jista’ jkollu nuqqas ta’ abbiltajiet ta’ kif wieħed iqassam il-flus tiegħu u wkoll nuqqas ta’ għarfien però wkoll tista’ tiġi bil-kontra li jekk persuna jkollu nuqqas ta’ għarfien jew nuqqas ta’ abbiltajiet ta’ kif iqassam il-flus tiegħu wieħed ikollu inqas riżorsi li jista’ jwassal għall-problemi ta’ saħħa mentali.”

F’dan il-kors jintużaw eżempji li huma qrib ħafna tal-ħajja ta’ kuljum, bħax-xiri impulsiv, li huwa eżempju prattiku.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend