Il-Maltin attivi ferm iżjed mill-medja Ewropea fuq il-midja soċjali

Kważi tliet kwarti tal-Maltin li jgħoddu bejn is-16 u l-74 sena kienu attivi fuq il-midja soċjali fl-2020.

Skont stħarriġ tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, 72% tal-Maltin li għandhom bejn is-16 u l-74 sena kienu jużaw il-midja soċjali bħal facebook, instagram u twitter fost oħrajn.

Il-medja Ewropea dwar dan hija ta’ 57%, li jfisser li r-rata tal-Maltin hija ferm ogħla l-medja u tiżboq bi 15%.

Ir-rata ta’ Malta kienet ukoll 1% iżjed mis-sena ta’ qabel u 12% iżjed mill-2015.

L-ogħla rati ta’ użu ta’ midja soċjali kienu rreġistrati fid-Danimarka (85%), fil-Belġju (79%), f’Ċipru (78%), fil-Finlandja (75%) u fl-Ungerija (74%).

Dan filwaqt li l-iktar pajjiżi b’rati baxxi ta’ użu ta’ midja soċjali fost dawk li għandhom bejn is-16 u l-74 sena kien hemm l-Italja (48%), il-Ġermanja (54%), il-Bulgarija (55%) u l-Polonja (55%).

Meta niġu biex inkejlu l-użu tal-midja soċjali fl-aktar kategorija t’età żagħżugħa, jiġifieri bejn is-16-il sena u l-24 sena, hemmhekk Malta għandha rata ta’ 93%.

Il-medja Ewropea hija ftit inqas f’dan ir-rigward u tlaħħaq is-87%.

L-ogħla rata hawnhekk ġiet irreġistrata fid-Danimarka b’97% u l-inqas rata fl-Italja b’79%.

Imbagħad ir-rata tal-użu tal-midja soċjali f’kategorija t’età ferm iżjed anzjana, jiġifieri bejn dawk li jgħoddu l-65 u l-74 sena, ir-rata ta’ Malta hija ta’ 31%.

Din hija 9% iżjed mill-medja Ewropea hekk kif din tlaħħaq it-22%.

Hawnhekk ukoll id-Danimarka għandha l-ogħla rata ta’ 60% kontra l-inqas rata rreġistrata fil-Kroazja, dik t’10%.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend