AĠĠORNAT: Raġel jinqatel allegatament minn mara fil-Mellieħa b’daqqiet ta’ sikkina

It-tieni omiċidju għal din is-sena ħalla raġel mill-Filippini mejjet f’appartament fil-Mellieħa.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni fuq il-mewt tal-Filippin ta’ 44 sena u b’rabta mal-każ hemm arrestata Filippina ta’ 44 sena.

Kien one.com.mt li żvela l-każ il-Ġimgħa filgħodu, bil-pulizija tikkonferma l-każ ftit wara permezz ta’ stqarrija.

Fi stqarrija l-pulizija qalet li għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ filgħodu, il-Filippina ċemplet lill-pulizija fejn talbet għall-għajnuna u qaltilhom li tinsab tistennihom fi Triq il-Kbira, il-Mellieħa.

Pulizija mid-Distrett tal-Qawra marru fuq il-post fejn sabu l-mara bil-feriti u hi qalet li kellha argument ma’ raġel.

Wara li ddewwiet, ittieħdet id-Depot għall-investigazzjonijiet.

Kienu għall-ħabta tal-4:00 ta’ filgħodu meta l-mara indikat li l-argument mar-raġel seħħ f’dar fi Triq il-Fortizza l-Mellieħa u li ntużat sikkina.

Il-pulizija marru f’din id-dar u hemmhekk sabu lir-raġel mixħut wiċċu ’l isfel fil-kċina mgħotti b’liżar.

Ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-vittma kellu daqqa ta’ sikkina f’sidru u f’għonqu.

Il-Pulizija elevat ukoll żewġ skieken li allegatament intużaw.

Dwar dan il-każ, il-Pulizija arrestat il-mara u nfetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello

Minn informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon minn fuq il-post, il-vittma kien ilu jgħix il-Mellieħa għall-iżjed minn sena.

Jidher ukoll li ż-żewġ Filippini, jiġifieri l-vittma u l-akkużata jgħixu flimkien u magħhom jgħixu żewġ persuni oħra barranin u dawn it-tnejn tal-aħħar għandhom tifla.

ONE News huwa infurmat ukoll li l-vittma kien sewwieq ta’ tal-Linja għaliex ġieli deher ħiereġ mid-dar bl-uniformi.

Xi ġirien oħra li jgħixu fl-istess triq qalu li mal-lejl ma semgħu l-ebda ħsejjes.

Fil-gallarija tal-appartament fejn seħħ l-omiċidju kien hemm il-marki evidenti tad-demm li kienu mċappsin man-naħa ta’ isfel tal-ħajt fejn il-bieb tal-gallarija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend