Ftehim ma’ La Stella t’Għawdex se jwassal biex binja fejn iċ-Ċittadella ssir dar tal-anzjani

Permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat għal ħamsa u sittin sena bejn il-grupp CareMalta Group u s-Soċjetà Filarmonika La Stella, propjetà fir-Rabat Għawdex se tinbidel f’faċilità  li tagħti servizz soċjali lill-Għawdxin.

Dan huwa l-ewwel proġett li fih CareMalta se tkun qed testendi s-servizzi tagħha f’Għawdex, fi propjetà li tinsab taħt iċ-Ċittadella u wara t-Teatru Astra fejn se jkun hemm sittin sodda.

Il-Kap Eżekuttiv tal-grupp CareMalta qalet li sabiex din il-faċilità tkun tista’ toffri l-aħjar servizzi se jkun qed isir ukoll studju mal-Fakultà tal-Ħarsien Soċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Qal, “Aħna kull ma nagħmlu nemmnu li għandu jsir b’mod professjonali u b’mod xjentifiku għalhekk il-ġemelaġġ tagħna mal-Università ta’ Malta propju biex nistudjaw il-bżonnijiet tal-komunità ta’ Għawdex u s-servizz li ħa noffru ġewwa l-gzira ta’ Għawdex ikun biex iservi għal dawn il-bżonnijiet ta’ din is-soċjetà fil-mument preżenti.”

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Ħarsien Soċjali, il-Professur Andrew Azzopardi, li se jkun qed imexxi r-riċerka, faħħar dan l-istudju u qal li b’dan il-mod tistà tifhem il-bżonnijiet tal-komunità Għawdxija.

Il-Chairman ta’ Vassallo Group qal li mill-ewwel aċċettaw li jaħdmu fuq dan il-proġett għax il-kumpanija kienet ilha tħares lejn is-suq Għawdxi għal żmien twil.

Spjega, “Qegħdin fl-istadju li nippreżentaw issa l-pjanti tagħna u l-pjani tagħna lill-Awtorità għall-approvazzjoni tagħhom u kif nisperaw ikollna dawn approvati aħna nkunu ippreparati sabiex mill-ewwel nibdew it-trasformazzjoni ta’ din il-binja”

Minn naħa tiegħu, il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u tat-Teatru Astra, Michael Formosa esprima s-sodisfazzjon tiegħu lejn dan il-ftehim.

Qal li b’dan l-arranġament l-assi tas-soċjetà qed jitpoġġew għall-użu li hu konsistenti mal-viżjoni tas-soċjetà.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend