Il-Maltin huma l-aktar fl-Ewropa sodisfatti bil-mod kif il-Gvern amministra l-pandemija

Malta hija l-aktar pajjiż fl-Ewropa fejn il-poplu hu sodisfatt bil-mod kif il-Gvern irreaġixxa u ħadem tul il-pandemija, fosthom bil-miżuri ta’ mitigazzjoni. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar tul Mejju u li bena fuq studju simili li kien sar fi Frar li għadda.

F’Mejju, mal-85% tal-Maltin u l-Għawdxin li ħadu sehem wrew sodisfazzjon għall-mod kif mexa l-Gvern tul il-pandemija, żieda sostanzjali fuq it-53% li fi Frar kienu wrew is-sodisfazzjon tagħhom. Kienu biss 12% li f’Mejju qalu li ma kinux sodisfatti bit-traġitt ta’ Malta fejn tidħol il-pandemija.

Fil-Lussemburgu, 73% ta’ dawk li wieġbu għall-istudju kienu sodisfatti, u jsegwu hemm il-Portugall u d-Danimarka b’69%. Dawk l-anqas sodisfatti kienu l-Polonja bi 32%, l-Islovenja bi 28%, il-Latvja b’27% u l-Islovakkja b’26%.

L-istess stħarriġ juri wkoll li 75% tal-Maltin huma sodisfatti bil-miżuri li tnedew fuq livell Ewropew biex tkun miġġielda l-pandemija. Dawk il-pajjiżi l-anqas sodisfatti kienu Franza bi 36% u l-Ġermanja bi 32%.

Fl-istess ħin, 86% tal-Maltin qalu li diġà tlaqqmu kontra l-virus, jew li jixtiequ jitlaqqmu mill-aktar fis. Din kienet l-ogħla rata fost stati membri Ewropej fejn tidħol il-fiduċja fil-vaċċin kontra l-COVID-19.

Dan filwaqt li total ta’ 79% tal-Ewropej qalu li diġà tlaqqmu kompletament kontra l-virus, jew jixtiequ jitlaqqmu mill-aktar fis sal-aħħar tal-2021.

68% tal-Ewropej jemmnu wkoll li l-vaċċin huwa għodda importanti biex il-pandemija tintemm kompletament, u 60% oħra jemmnu li l-vaċċin se jipproteġihom milli jimirdu bil-COVID-19.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend