Sigħat wara l-iżvilupp tal-lista l-ħadra jiżdiedu l-bookings ta’ bosta Ingliżi mlaqqma kompletament

Mal-aħbar li r-Renju Unit poġġa lil Malta fuq il-lista l-ħadra tal-ivvjaġġar, bosta Ingliżi li huma kompletament imlaqqma immedjatament ibbukjaw vaganza f’pajjiżna.

Ikkonfermaw dan rappreżentanti ta’ żewġ lukandi ewlenin f’Malta, fejn raw kif dan il-fatt se jwassal biex is-settur turistiku f’pajjiżna jkompli jissaħħaħ fi żminijiet ta’ pandemija.

Id-Direttur Maniġerjali ta’ lukanda ewlenija fil-Belt, saħaq li l-programm b’saħħtu ta’ vaċċinazzjoni li għandu pajjiżna, ġibed l-għajn ta’ wieħed mill-akbar pajjiżi fid-dinja.

“Nieħu pjaċir tara gazzetti Ingliżi jġibu l-lista tal-pajjiżi u tara Malta fuq nett aktar minn 80% tal-popolazzjoni li huma mlaqqma u dan għalhekk ġejna fuq il-lista l-ħadra. Diġà mill-bieraħ ’l hawn il-lukandi kollha nfqajna bil-bookings u kif kien suċċess l-aħħar darba tal-vouchers reġa’ suċċess illum u tagħna boost għal żmien meta kellna bżonn.”

Min-naħa tiegħu d-Direttur Maniġerjali ta’ lukanda ewlenija f’San innota kif b’din l-aħbar issa se jaraw żieda ta’ turisti fil-kmamar tagħhom, dejjem b’mod sigur.

“Aħna ilna nistennew biex inkunu fil-green list tas-suq Ingliż għal dawn l-aħħar ġimgħat, hija aħbar li lqajniha bil-kbir. Is-suq Ingliż huwa wieħed dominanti għas-suq Malti u huwa l-akbar suq u jagħmel differenza fin-numru ta’ arrivals u guests fil-lukanda.”

Għal dan l-iżvilupp ireaġġixxew ukoll il-Kamra tal-Kummerċ Maltija u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u tas-Sidien tar-Ristoranti, fejn it-tnejn laqgħu din l-aħbar.

L-MHRA qalet kif qed tistma rkupru tajjeb għas-settur turistiku matul dan  is-sajf, filwaqt li spjegat li dan hu riżultat li jixraq għall-ħidma mwettqa mill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-Kap tat-Taqsima Turistika fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ żied kif ir-Renju Unit ukoll qed jirrikonoxxi l-progress li sar f’Malta sabiex tkun ikkontrollata l-imxija u laqa’ ukoll il-fatt tad-deċiżjoni tal-Gvern li dawk li jiġu mir-Renju Unit lejn pajjiżna jridu jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin u mhux sempliċiment test negattiv għall-Covid-19 bħal min ġej minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Dan anki fil-kuntest tal-varjant Indjan fir-Renju Unit.

Intant, fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar kif  fl-ewwel tliet ġimgħat ta’ Ġunju, in-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport żdied b’20%.

Hanwhekk l-ajruport appella sabiex kulħadd ikollu d-dokumenti meħtieġa, fosthom iċ-ċertifikat tal-vaċċin jew test negattiv għall-Covid-19.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend