Addottati konklużjonijiet b’rabta mal-pandemija u ċ-ċertifikat tal-vaċċin wara l-ewwel jum tas-Summit

Il-mexxejja Ewropej, fosthom il-Prim Ministru Malti Dr Robert Abela, li bħalissa jinsab fi Brussell għal Summit tal-Kunsill Ewropew, addottaw konklużjonijiet dwar il-pandemija b’rabta maċ-ċertifikat tal-vaċċin.

F’kummenti għall-midja wara l-ewwel jum tas-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar li Malta kienet fost l-ewwel stati membri li għamlet iċ-ċertifikat tal-vaċċin fuq livell lokali u issa dan ikun japplika għas-sistema Ewropea.

Saħaq li dan iċ-ċertifikat issa huwa għodda ewlenija.

Spjega, “Konna minn tal-ewwel illi għamilna ċ-ċertifikat lokali u naturalment imbagħad dak jitqabbad mas-sistema Ewropea. Se jkun game changer għaliex se jiffaċilità wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqhom hija mwaqqfa l-Unjoni Ewropea, jiġifieri dak tal-persuni, li nafu li fl-aħħar xhur kien dritt illi ġie ristrett, minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija. Għal pajjiżna t-turiżmu huwa kruċjali u qed inħares ’il quddiem li jkollna sajf ta’ xogħol b’saħħtu anki f’dan is-settur u dan iċ-ċertifikat se jkun għodda ewlenija flimkien naturalment mal-vaċċin innifsu sabiex dan is-settur ikompli jissaħħaħ.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-fatt li fil-Kunsill Ewropew reġgħet telgħet fuq nett tal-aġenda, il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Qal li dwar l-immigrazzjoni kien hemm diskussjoni tajba mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres.

Saħaq li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, Malta dejjem kienet voċifera fuq l-immigrazzjoni u tkellmet anki fuq l-irwol kruċjali tal-Libja.

Qal, “Hu ta’ sodisfazzjon għalina li issa dan is-suġġett qed jitla’ b’mod frekwenti fuq l-aġenda tal-Kunsill u kemm huwa importanti l-mod kif pajjiżna dejjem kien voċiferu, minkejja li aħna pajjiż ċkejken aħna dejjem konna voċiferi fuq dan is-suġġett u qed naraw ukoll kif qegħdin naħdmu inkluż mal-Libja. Dan qiegħed jagħti riżultati sodisfaċenti f’dan is-settur. Fil-fatt il-wasliet f’pajjiżna tnaqqsu b’mod b’saħħtu. Naturalment weekend wieħed jista’ jibdel kollox kif dejjem ngħidu, għaldaqstant importanti li fuq dan is-settur nibqgħu naħdmu bis-saħħa u dak kien il-messaġġ bażiku li għaddejt fi ħdan il-Kunsill.”

Imbagħad il-Prim Ministru semma dik li fissirha bħala diskussjoni taħraq dwar liġi kontroversjali li għaddiet fl-Ungerija dwar persuni LGBTIQ+.

B’din il-liġi mgħoddija mill-Gvern ta’ Viktor Orbàn, se jkun ipprojbit l-għarfien dwar l-omosesswalità u l-bidla fil-ġeneru fost it-tfal fl-iskejjel.

Hawnhekk il-Prim Ministru Malti qal li Malta dejjem kienet konsistenti li tippromovi bis-saħħa d-drittijiet u l-libertajiet ċivili.

Fil-fatt qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ ħmistax-il mexxej Ewropew ieħor, iffirma ittra ta’ dikjarazzjoni b’saħħitha favur id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+.

Qal iżda li filwaqt li Malta se tibqa’ ttenni li mhux se jiġu aċċettati azzjonijiet li jikkalpestaw il-libertajiet ċivili, pajjiżna se jimbotta diskussjoni fi spirtu ta’ djalogu aktar milli wieħed konfrontattiv.

Il-Prim Ministru ta’ Malta qal li sa issa fuq dan il-punt mal-Ungerija għad ma hemmx pożizzjoni konklussiva fost il-mexxejja tal-istati membri.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Fil-pajjiżi fejn ikun hemm tmexxija tal-lemin kollox jgħaddi iżda fejn ikun tmexxija tax-xellug hemmhekk le…. hemm nieħdu azzjoni!!!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend