Reġistrati aktar minn 3,000 sħubija kummerċjali fl-2020

Is-sena l-oħra, ir-Reġistru tan-Negozji f’Malta rreġistra, tlett elef, ħames mija u erbatax-il sħubija kummerċjali ġdida minkejja l-impatt li ħalliet il-pandemija fuq l-ekonomija globali.

Dan ħareġ minn mir-rapport annwali li ħejja r-reġistru tan-negozji għas-sena elfejn u għoxrin fejn minnu ħareġ li l-ħsieb ewlieni tar-reġistru għal dik is-sena kienet it-titjib ta’ proċeduri ta’ skrutinju flimkien ma’ qafas leġiżlattiv li jissalvgwardja lil Malta bħala ġurisdizzjoni.

Dan filwaqt li matul is-sena l-oħra r-reġistru implimenta r-rakomandazzjonijiet kollha tal-MoneyVal li wasslu għad-dħul fis-seħħ ta’ proċeduri rigorużi biex itejbu l-governanza.

Fil-fatt, is-sezzjoni tal-konformità fi ħdan ir-reġistru rrevediet iktar minn tnax-il elf formola u wettqet iktar minn sebgħa u għoxrin elf verifika.

Dan filwaqt li r-reġistru wettaq kważi ħdax-il elf verifika fir-rigward ta’ kumpaniji ġodda li kienet tinkludi analiżi ta’ diretturi u benefiċċjarji tal-kumpanija.

Matul l-elfejn u għoxrin, din is-sezzjoni tar-reġistru wettqet ukoll tmien mija, tmienja u għoxrin spezzjoni u qed timmira li twettaq madwar elf spezzjoni matul l-elfejn wieħed u għoxrin.

Dan filwaqt li s-sezzjoni legali fi ħdan ir-reġistru ħadmet fuq eżerċizzju biex ir-reġistru ta’ sħubija kummerċjali jibqa’ aġġornat u fi stat tajjeb ta’ ordni filwaqt li tneħħew kumpaniji li nstabu jiksru liġijiet relatati mal-kumpaniji.

Fil-fatt is-sezzjoni legali ħarġet sitta u ħamsin elf ittra legali li kawża tagħhom, ħdax-il elf, mitejn, disgħa u tmenin kumpanija, tneħħew minn fuq ir-reġistru filwaqt li nstabu li elf, mija, sitta u sittin kumpanija li ma kinux konformi u ma mlewx informazzjoni dwar benefiċċjarji sidien tagħhom.

Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tar-Reġistru għan-Negozju Malti Joseph Farrugia rrimarka li r-reġistru rnexxielu jtejjeb il-proċeduri ta’ skrutinju billi ħa azzjonijiet konkreti li jsaħħu l-kredibilità tal-entità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend