Notifiki

Jitwaqqaf għassies għad-drittijiet tat-tfal

Lejlet is-seba’ anniversarju tal-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà, f’pajjiżna ġie mwaqqaf l-ewwel osservatorju li jippromwovi d-drittijiet tat-tfal.

Dan l-osservatorju se jservi ta’ għassa għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal biex flimkien mal-akkademiċi tal-Università jinfluwenzaw lil dawk li jfasslu l-politika.

Permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, l-osservatorju magħruf ukoll bħala CROM, ser ikun qed jiġbor informazzjoni u jiddentifika nuqqasijiet biex kemm jista’ jkun, id-drittijiet tat-tfal ikunu ssalvagwardjati.

Tkellimna ma’ Lorella Gatt li hija Kordinatur taċ-Children’s Hub fi ħdan il-Fondazzjoni li fissritilna dan il-proġett għat-tfal Maltin u Għawdxin

Hija spjegat: “Il-CROM ħa jkun bħala għassies fejn ħa jimmarka sfidi li jgħaddu minnhom it-tfal kif ukoll ħa naħdmu biex nipproteġu d-drittijiet tat-tfal. Ħa nagħmlu attivitajiet fejn ovvjament ninvolvu lit-tfal għax it-tfal huma l-esperti tat-tfulija tagħhom.”

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella spjega l-irwol tal-Università f’dan il-proġett.

Huwa stqarr: “Meta inti qed tistudja biex tara t-tfal x’jaħsbu, x’jixtiequ, x’qegħdin jesperjenzaw fil-ħajja ta’ kuljum b’hekk tkun tista’ tagħtihom appoġġ għal dak li qed jifforma lil ħajjithom.”

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, tkellmu diversi mistednin distinti, fosthom Jana Hainsworth li hija s-Segretarju Ġenerali tal-organizzazzjoni internazzjonali, Eurochild. Hainsworth iddiskreviet lil Malta bħala fanal tal-port għad-drittijiet tat-tfal fl-Ewropa u qalet li l-Ewropej iħarsu lejn Malta biex jaraw din l-inizjattiva tal-osservatorju tiffjorixxi.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca sostniet li dawn il-kummenti huma inkoraġġanti: “Huwa kumment ikoraġġanti ħafna tagħtina ħafna iktar kuraġġ biex naħdmu ħalli t-tfal u d-drittijiet tat-tfal fuq l-aġenda nazzjonali bi prijorità. Ninvestu fit-tfal għax hekk jixirqilhom illum imma wkoll jixraq lis-soċjetà li għada jkollha adulti li nkunu investejna fihom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend