Notifiki

Bernard Grech jiddefendi l-ittra li bagħat lill-FATF

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iddefenda l-ittra li bagħat lill-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja, l-FATF, li fiha indika li Malta għandha titpoġġa fuq il-lista il-griża.

Bernard Grech għamel dan waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista meta ġie mistoqsi minn ONE News jekk iddispjaċihx li bagħat l-ittra lill-FATF.

Huwa qal, “Il-punt huwa Samuel li jiena ħassejt f’dak il-mument li kelli wkoll nibgħat messaġġ ċar.”

Grech ma ddejjaq xejn ikompli jxejjen il-kummenti ta’ ġurnalisti indipendenti li kkummentaw dwar l-aġir tiegħu bl-ittra li bagħat ftit qabel l-eżitu tal-FATF.

Huwa saħansitra qal li din l-ittra u dak kollu li ntqal dwarha kien spin: “Dak l-ispin li ta l-Partit Laburista kien intiż biss biex jipprova kif dejjem għamel isib f’min se jwaħħal.”

Intant waqt li kien qed jitkellem fuq is-suġġett tal-ispins, Bernard Grech spiċċa ħareġ bi spin hu stess.

Fil-fatt, Bernard Grech ipprova jdawwar id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Erbgħa filgħaxija.

Bernard Grech qal hekk: “Ilbieraħ stess fil-konferenza stampa li ta l-Prim Ministru u Clyde Caruana li propju anke huma semmew li qegħdin jaħdmu biex sa Ottubru nkunu qed noħorġu minn din il-lista. Issa jekk illum qed ibiddel il-verżjoni allura jfisser li diġà huwa mhux qed jemmen fir-retorika li poġġew ilbieraħ stess.”

Madankollu dan ma kienx minnu, hekk kif l-Erbgħa filgħaxija, minn Kastilja, il-Prim Ministru spjega b’mod ċar x’se jkun il-pass li jmiss.

Huwa sostna: “Il-pass li jmiss biex tkun qed titreġġa’ lura d-deċiżjoni ta’ llum ma xtaqtx nirreferi wisq għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni li qal li f’Ottubru se jkun hemm Plenarja mill-ġdid u tista’ terġa’ titreġġa’ lura d-deċiżjoni. Ejja nkunu onesti man-nies. Il-proċess jaħdem b’mod sempliċi. Minn issa sa Ottubru determinati li nimplimentaw dak li hemm fl-action plan. Fuq livell tekniku rridu nimplimentaw  dak li hemm fil-pjan kollu jew kemm nifilħu minnu.”

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega wkoll x’jista’ jsir fiż-żmien li ġej mill-Gvern: “F’Ottubru aħna nistgħu nitolbu dik li tissejjaħ on site visit jiġifieri fejn l-esperti tekniċi tal-FATF jiġu f’pajjiżna u jaraw u jevalwaw ix-xogħol li jkun sar imbagħad ikun jista’ fi Plenarja sussegwenti, ikun hemm deċiżjoni, mhux neċessarjament fil-Plenarja ta’ wara imma Plenarja sussegwenti, ikun hemm reviżjoni tad-deċiżjoni.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend