Notifiki

Ara kif għandek tieħu ħsieb saħħtek f’dawn il-jiem sħan

Hekk kif bħalissa t-temperaturi jinsabu telgħin, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jieħu sett ta’ miżuri ħalli jieħu ħsieb saħħtu. Dan billi fost oħrajn jinxtorob ħafna ilma. Dan hekk kif fil-jiem li ġejjin qed ikun imbassar it-temperaturi se jilħqu t-38°C, temperaturi għoljin jikkawżaw telf ta’ ilma mill-ġisem b’rati mgħaġġla li jirriżultaw f’nixfa.

Id-Direttorat tas-Saħħa wissa li temperaturi għoljin jistgħu jwasslu wkoll għal eżawriment tas-sħana jew puplesija bis-sħana. L-eżawriment tas-sħana huwa kkawżat minn telf ta’ ilma u melħ permezz tal-għaraq. Sintomi komuni jinkludu li tħossok dgħajjef, li jħossok ħażin jew ma tiflaħx, uġigħ ta’ ras, bugħawwieġ fil-muskoli, għaraq qawwi u għatx kbir.

Intqal ukoll li l-puplesija kkawżata mis-sħana hija meta l-ġisem ma jkunx għadu kapaċi jiksaħ u t-temperatura tal-ġisem titla’ b’mod perikoluż. Dan huwa inqas komuni iżda sintomi aktar serji u mhux trattati jinkludu konfużjoni, konvulżjonijiet, u telf mis-sensi. Ċempel 112 għal kura ta’ emerġenza.

Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda xi persuni għandhom riskju akbar ta’ ħsara serja bħal anzjani, trabi, tfal żgħar, u persuni b’kundizzjonijiet kroniċi.

Id-Direttorat tas-Saħħa qal li biex jiġu evitati l-effetti tal-mewġa tas-sħana huwa importanti li:

  • Iżżomm ’il bogħod mis-sħana billi tevita kull esponiment bla bżonn għax-xemx matul perjodi sħan tal-ġurnata ġeneralment bejn il-11 ta’ filgħodu u l-4 ta’ waranofsinhar.
  • Iżżomm ruħek frisk billi toqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tal-post tax-xogħol.
  • Tagħlaq il-purtieri tal-kmamar faċċata tax-xemx biex iżżomm ġewwa aktar frisk.
  • Tixrob ħafna ilma biex tagħmel tajjeb għat-telf ta’ likwidi minħabba l-għaraq u kul ikel aktar frisk bħal insalati.
  • Tevita l-likwidi li jwasslu għal nixfa. L-alkoħol, il-kafè, it-te u luminati bil-kafeina jistgħu jagħmlu aktar ħsara milli ġid.
  • Tilbes ħwejjeġ ħfief u mhux issikkati.
  • Tevita sforz fiżiku fl-aktar partijiet sħan tal-ġurnata, jew tagħżel attività fiżika fuq ġewwa jew tagħmel l-attività fiżika tiegħek filgħodu meta t-temperatura tkun l-aktar baxxa.
  • Timxi fid-dell, tapplika krema għall-protezzjoni mix-xemx, u tilbes kappell jekk ikollok toħroġ fis-sħana.
  • Qatt ma tħalli lil xi ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment, trabi, tfal żgħar jew annimali.
  • Tfittex parir mediku jekk għandek xi tħassib.

Id-Direttorat tas-Saħħa appella biex wieħed joqgħod attent għal ġirien vulnerabbli jew anzjani, qraba jew ħbieb li jistgħu jkunu weħidhom u li ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb lilhom infushom u ara li jkunu kapaċi jibqgħu friski matul il-mewġa tas-sħana.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend