Kumpanija ser tibda toffri vjaġġi ta’ kuljum lejn Sqallija minn Awwissu li ġej

Mil-lum, il-kumpanija Ponte Ferries bdiet tbigħ passaġġi lejn Sqallija biex mis-6 ta’ Awwissu, il-kumpanija tibda bil-vjaġġi tagħha bejn Malta u l-port ta’ Augusta fi Sqallija ta’ kuljum.

Dan il-vjaġġ bejn il-gżejjer ser ikun possibbli permezz ta’ opra tal-baħar twil 96 metru bl-isem ta’ HSC Artemis li kapaċi jakkomoda 600 passiġġier.

Fi stqarrija l-kumpanija stqarret li dan il-katamaran huwa msawwar b’tagħmir bħal charging points għal kull passiġġier, għandu żona ddisinjata għall-annimali kif ukoll żona apposta għall-familji bit-tfal fejn ikunu jistgħu jgawdu l-vjaġġ f’ambjent ta’ superviżjoni.

Kelliem għall-kumpanija qal li jinsabu kuntenti biex jikkompetu f’dan is-suq b’mod speċjali fi staġun fejn l-ivjaġġar ikun fl-aqwa tiegħu. Huwa qal li l-kumpanija ser ikollha l-vantaġġ li ssorġi fil-port ta’ Augusta li huwa viċin Katanja, Sirakuża u Taormina.

Fil-fatt, fiż-żmien li ġej il-kumpanija ser tibda tqassam vouchers ta’ skontijiet fid-djar Maltin u Għawdxin.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-klijenti ta’ din il-kumpanija ser igawdu minn prezzijiet baxxi daqslikieku qed jivjaġġaw ma’ linja tal-ajru low-cost biex b’hekk vjaġġ lejn Sqallija jkun faċli, konvjenti u affordabbli.

Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali tal-kumpanija Ponte Ferries.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend