Notifiki

Id-deċiżjoni tal-FATF ma kinitx mistħoqqa… mhux se nissuppervjaw u se nibqgħu niddjalogaw biex nikkonvinċu – Il-PM

“Minn meta f’Jannar tas-sena li għaddiet ġejt fdat bit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż, l-isfidi ma naqsux. Uħud konna nafu diġà li jeżistu, oħrajn bħall-pandemija, ġew mingħajr mistenni. Quddiem kull sfida dejjem żammejt il-prinċipju tal-onestà.”

Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru Robert Abela beda l-indirizz tiegħu f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana b’reazzjoni għall-aħħar żviluppi b’rabta mal-eżitu tat-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, l-FATF.

Il-Prim Ministru qal li d-deċiżjoni tal-FATF ma kinitx mistħoqqa.

Filwaqt li nnota kif din id-deċiżjoni hija inġusta, pajjiżna se jibqa’ jibni fuq il-ħafna riformi li għamel diġà b’konvinzjoni ta’ Gvern li jemmen f’pajjiż modern b’governanza b’saħħitha.

Dr Abela qal li huwa dover tiegħu bħala Prim Ministru li jassigura li l-familji, ħaddiema u negozji ta’ pajjiżna jkollhom l-aqwa qafas regolatorju u l-aqwa istituzzjonijiet possibbli biex jipproteġu d-drittijiet tagħhom.

Innota kif fl-aħħar jiem, fil-fora tal-FATF twassal messaġġ b’saħħtu dwar dak li wettaqna bħala pajjiż, u fl-ebda mument ma twarrab l-interess nazzjonali jew ittieħdet pożizzjoni li tista’ ddgħajjef il-prosperità tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Prim Ministru fakkar fir-rapport tal-Moneyval.

Dr Abela stqarr, “Ir-rapport tal-MoneyVal innifsu illi kellna f’Mejju ta’ din is-sena stess kien wieħed pożittiv. Ipoġġi lil Malta bħala wieħed mill-pajjiżi li għandu l-aktar rakkomandazzjonijiet compliant jew maġġorment compliant, ma’ dak li jintalab mill-MoneyVal għal kull pajjiż. Saħansitra fir-rapport tal-MoneyVal ma hemm ebda rakkomandazzjoni fejn aħna jew m’aħniex compliant jew aħna biss parzjalment compliant.”

Il-Prim Ministru aċċenna wkoll li Malta se tibqa’ tiddjaloga.

Dr Abela sostna, “Mhux se nissuppervjaw iżda u se nibqgħu niddjalogaw biex nikkonvinċu. Fejn hemm bżonn inwettqu bidliet pożittivi, se nagħmlu dan. Wara kollox dawn huma bidliet li aħna nemmnu fihom b’konvinzjoni, li qed nagħmluhom għall-poplu tagħna għax konvinti minnhom. Bidliet li kienu se jkomplu jsiru irrispettivament mill-eżitu tal-lum.”

Intant fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Carauana, li tenna l-impenn tal-Gvern li tkompli l-ħidma biex kull pajjiż jara f’Malta sieħeb leali bi strutturi sodi.

Qal li bl-ebda mod mhu se jkunu qed jinbidlu ċ-ċifri tal-pajjiż f’dak li għandu x’jaqsam mal-figuri ekonomiċi jew il-miri finanzjarji ta’ pajjiżna.

Il-Ministru qal li dan huwa possibbli għaliex il-Gvern għandu l-viżjoni u l-għarfien ta’ x’għandha bżonn l-ekonomija Maltija, u b’hekk ikun żgurat l-aħjar għajxien għall-familji Maltin u l-Għawdxin.

Il-Ministru Caruana rrimarka, “Dak li ġara llum, bl-ebda mod, u dan huwa mportanti ħafna li nifhmuh għaliex il-kwistjoni ta’ dan kollu anke ma’ xiex qiegħdin nitkellmu hawn huma fatturi psikoloġiċi, mhu ser ibiddel xi ħaġa daqshekk drastika minn għada filgħodu minn xħin titla’ x-xemx. Jiġifieri l-ħsieb li forsi ħafna għandhom li minn għada se jiġri xi ħaġa li se tbiddel il-ħajja b’mod drastiku tan-nies, u anke mhux drastiku, m’huwiex il-każ.”

Intant il-Prim Ministru għamel wegħda mal-poplu li se jibqa’ jkun ta’ spalla għan-negozji u l-familji.

Dr Abela stqarr, “Li nista’ niggarantixxi llum hu li Għawdex u Malta se jibqgħu mexjin ‘il quddiem. Dik hija l-wegħda tiegħi. Din hija l-wegħda tiegħi magħkom.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend