Notifiki

Binja riġenerata fil-Belt Valletta se tilqa’ fiha 23 familja

B’investiment ta’ €1.6 miljun ġiet irriġenerata binja mitluqa fiż-żona ta’ Marsamxett biex tkun tista’ tintuża għal skop ta’ akkomodazzjoni soċjali.

L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett li sar b’xogħlijiet infrastrutturali mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir huwa sabiex bosta anzjani flok jitilqu mill-Belt jibqgħu jgħixu fil-kapitali b’mod indipendenti.

Din il-binja ferm sabiħa se tkun tista’ tilqa’ fiha tlieta u għoxrin familja differenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Gauchi spjega x-xogħol ewlieni li sar.

Cauci stqarr, “Il-proċess ra li ssir pjanta li dawn iż-żewġ binijiet l-ewwelnett jitnifdu u jsiru binja waħda, li l-istruttura tiġi msaħħa kemm minn barra kif ukoll dik il-faċċata u b’mod partikolari fuq ġewwa, fejn kellhom jinbidlu it-turġien u l-oqsfa kollha u finalment ġew amalgamati u wettaqna dawn il-proġetti li dejjem ħsibna fkimkien mal-Awtorità tad-Djar.”

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif il-binja aċċessibli u li fiha se jkun hemm wieħed u tletin sodda, tikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern sabiex ikompli joffri saqaf fuq ras in-nies.

Il-Ministru Galdes qal, “Ifisser li dan huwa budget qawwi ta’ riġenerazzjoni ta’ bini antik li qatt ma rajna bħalu, fejn il-Gvern qed jinvesti miljuni kull sena biex jiġġenera propjetà antika li qed tiġi rrestawrata.”

Fl-istess konferenza ġie spjegat kif dan l-investiment jikkumplimenta wkoll il-proġett ta’ erbgħa u għoxrin miljun ewro għar-riġenerazzjoni ta’ Marsamxett.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq kif b’dan qed naraw li minn Fondi Ewropej qed igawdu ċ-ċittadini Maltin.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal, “Dawn poġġew lin-nies fil-qalba ta’ din ir-riġenerazzjoni, riġenerazzjoni li rajna bħal din il-binja mitluqa u antika li ngħatat ħajja mill-ġdid u skop soċjali ta’ akkomodazzjoni soċjali.”

Preżenti l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg tenna li dan kollu jkompli jixhed kif il-Gvern qatt ma ħalla lil ħadd waħdu, u li minn proġett fil-Kapitali Maltija bosta nies se jibqgħu jgħixu ħajjithom b’mod komdu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend