Notifiki

Appell lill-groomers biex jagħmlu kameras tas-sigurtà għall-benefiċċju tagħhom stess u tas-sidien tal-annimali

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali qed tappella lill-groomers, pet sitters u trainers biex min jeddhom iwaħħlu kameras tas-sigurtà fil-post fejn ikunu qed jieħdu ħsieb l-annimali domestiċi biex ikollhom x’juru f’każ ta’ inċident.

Din hija waħda fost diversi rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissarju għall-groomers, pet sitters u trainers, wara li din il-ġimgħa sid ta’ kelb tar-razza Yorkshire Terrier allega li l-kelb tiegħu miet wara żjara għand il-groomer.

Meta tkellem mat-Times of Malta, is-sid qal li l-kelb spiċċa għand veterinarju b’emerġenza wara li deher jaqta’ nifsu eżatt kif ħareġ mingħand il-groomer.

X’ġara eżatt qatt ma jista’ jkun magħruf, u għaldaqstant ħafna qegħdin jisħqu li hemm bżonn li l-groomers jiġu regolati professjonalment.

Il-Kummissarju Alison Bezzina spjegat li bħalissa m’hemm l-ebda liġi li tirregola l-groomers.

Bezzina qalet, “Ħafna minnhom fil-verità ħadu l-inizjattiva huma nfushom u għamlu xi tip ta’ training, hemm min għamel sa diploma u baqa’ jistudja u hemm min għamel l-inqas possibbli u ħa xi kors online. Nemmen li hemm min ma għamel xejn ukoll u qed joffri s-servizz minħabba li kellhom xi tip ta’ esperjenza f’dan ix-xogħol.”

Fid-dokument li ppreżentat lill-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali, il-Kummissarju qed tipproponi li l-groomers, pet sitters u trainers ikunu liċenzjati wara li jlestu kors standard u akkreditat.

Qed ikun propost ukoll li jkollhom ċertu ammont ta’ sigħat ta’ esperjenza qabel jibdew jaħdmu mal-annimali, filwaqt li l-post fejn ikunu qed joffru s-servizzi, ikun regolat bit-tagħmir neċessarju.

Il-Kummissarju Bezzina qed tipproponi wkoll li kull ħanut b’dawn is-servizzi jkollu kameras tas-sigurtà.

Hi stqarret, “Ir-raba’ rakkomandazzjoni tiegħi hi li nobbligaw lil kull min jaħdem mal-annimal f’kull xenarju imma speċjalment il-groomers, għax hija ħafna iżjed possibbli għax il-grooming isir f’post magħluq jista’ jkollok station u station, li nagħmlu kameras tas-CCTV obbligatorji għal dawn il-postijiet.”

B’din il-liġi jintlaħqu żewġ għanijiet; wieħed li s-sidien ikunu jistgħu jaraw x’ikun qed jiġri jekk għal diversi raġunijiet ma jkunux jistgħu joqogħdu mal-annimal tagħhom, u t-tieni li f’każ ta’ inċident ikunu magħrufa l-fatti minflok ħafna spekulazzjonijiet.

Hi saħqet, “Persuna li tħobb il-pet tagħha u ma tistax toqgħod miegħu – jew għax ma tistax minħabba l-COVID jew minħabba l-ħin jew għax il-groomer għandha dik ir-regola, tippreferi tieħu l-pet tagħha x’imkien fejn hemm is-CCTV Cameras jiġifieri għalkemm din għandha tidħol liġi biex nissalvagwardjaw l-annimali, hija wkoll tajba għall-business.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend