Notifiki

Aġenti tal-kumpaniji tal-Cryptocurrency ixejnu rapport tat-Times

Grupp li jirrappreżenta aġenti Maltin għall-kumpaniji liċenzjati tal-cryptocurrency, xejjen allegazzjonijiet f’rapport ippubblikat fuq is-Sunday Times of Malta, li qajjem tħassib li Malta għandha “sorveljanza laxka” fuq l-iskambju ta’ biljuni ta’ ewro fi cryptocurrency.

It-Taqsima fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ Maltija qalet li dan l-artiklu huwa totalment skorrett, kemm fil-fatti u fis-sustanza, u nnotat il-ħidma tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzarji b’mod partikolari fl-aħħar tliet snin, meta ħadmet bla waqfien biex tiżgura li fi żmien ta’ rivoluzzjoni finanzjarja mimli opportunitajiet, l-iżvilupp ta’ ambjent sigur u regolat għall-operaturi u kull min jagħmel użu mis-sistema jingħata prijorità.

L-Aġenti fi ħdan it-Taqsima nnotaw kif l-MFSA ssegwi b’mod estensiv dak li jwettqu l-operaturi fis-settur, bi spezzjonijiet regolari u mekkaniżmu li jiżgura superviżjoni kontinwa ta’ dak li jkun qed jiġri.

Qalu li r-rapport tat-Times qed jagħti l-impressjoni li s-settur mhux regolat, meta din mhix riflessjoni tar-realtà u ma tagħmilx ġustizzja max-xogħol u sforzi li qed isiru mill-istess aġenti u l-MFSA.

Wara d-dħul ta’ liġi ġdida f’Novembru tal-elfejn u tmintax, Malta bdiet toffri perjodu tranżitorju ta’ sena lill-kumpaniji tal-crypto li kienu diġà qed joperaw f’pajjiżna biex jirregolaw ruħhom.

Uffiċjal għoli f’waħda mill-kumpaniji saħansitra qal li r-regolamenti fis-settur ta’ Malta huma effettivi immens fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ħasil tal-flus.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend