Titnieda l-kampanja ‘Safety at Sea’ b’enfasi fuq is-sidien tad-dgħajjes

Hekk kif infetaħ l-istaġun tas-sajf b’mod uffiċjali, tnediet il-kampanja Safety at Sea, li din is-sena se tkun qed tiffoka aktar fuq is-sigurtà marbuta mad-dgħajjes.

Din il-kampanja se tkun qed teduka u tfakkar lill-pubbliku dwar ir-regoli li għandhom jiġu segwiti kemm mill-għawwiema u anke mis-sidien tad-dgħajjes sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-baħar mingħajr ebda traġedji.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, li spjega kif minħabba l-pandemija kienu ħafna iktar nies li għażlu li jqattgħu iktar ħin fil-baħar, u għalhekk jeħtieġ aktar prudenza. Huwa appella biex l-għawwiema jibqgħu fiż-żona għall-għawm f’ġieħ is-sigurtà tagħhom.

Huwa tenna li r-regolamenti tal-baħar qegħdin hemm għas-sigurtà ta’ kull min jagħmel użu minnu, u għalhekk din il-kampanja se tkompli tgħarraf lill-poplu fuq dawn ir-regolamenti.

Il-Ministru Borg stqarr: “Issa li bdejna s-sajf inkomplu nfakkru lin-nies bil-fatt li iva jistgħu jgawdu l-baħar u għandhom igawdu l-baħar però hemm numru ta’ responsabbilitajiet speċjalment fejn jidħlu nies li qed jagħmlu użu b’mod differenti, min qed jgħum u min qed juża d-dgħajjes. Dgħajjes hemm tipi differenti, allura b’mod responsabbli rridu naraw li l-għawwiema jgħumu fiż-żoni li huma allokati għalihom imma anke s-sidien tad-dgħajjes u allura anke skont x’tip ta’ dgħajsa għandek, jekk hux bil-magna jew bil-qlugħ u d-daqs tagħhom, ikun hemm rispett lejn xulxin.”

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Patrick Pollocco tal-Infurzar Marittimu sostna li l-awtoritajiet se jkunu qegħdin jagħmlu minn kollox biex jaraw li kulħadd isegwi dawn ir-regolamenti.

Huwa fisser: “Apparti li teduka, inkunu fiżikament fil-bajjiet u fil-kosta biex ninfurzaw ir-regolamenti applikabbli biex wieħed isegwi. Importanti għax il-bajjiet huma li huma, popolati ħafna għaldaqstant nappellaw biex kulħadd jirrispetta lil xulxin u dak l-għawwiem għandu jgħum f’postijiet siguri.”

Is-Sur Pollacco għalaq b’appell lis-sidien tad-dgħajjes sabiex ma jsuqux id-dgħajjes taħt l-effett tal-alkoħol, hekk kif il-periklu ta’ dan huwa simili tas-sewqan xurban fuq l-art.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend