Notifiki

Bidliet fuq ħlas ta’ VAT fuq pakketti żgħar

Mill-ewwel ta’ Lulju li ġej, se jidħol fis-seħħ il-ħlas tal-VAT fuq pakketti żgħar taħt it-tnejn u għoxrin ewro li jinxtraw minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.

Fl-istess waqt, se tiddaħħal sistema ta’ Import One Stop Shop fejn il-bejjiegħ se jiġbor il-VAT fuq oġġetti li ma jaqbżux il-valur ta’ mija u ħamsin ewro.

Il-Kap tal-Operat tal-MaltaPost Adrian Vassallo spjega f’aktar dettall dawn il-bidliet: “Ġie kkreat dak li qed insejħulu bħala Import One Stop Shop fejn bejjiegħ li jbigħ barra l-Unjoni Ewropea jista’ jirreġistra mal-Ewropa, f’pajjiż Ewropew, biex ikun jista’ jiġbor il-VAT direttament hu meta l-oġġett jinxtara waqt ic-check out.”

Min dawn il-bidliet se jgawdu il-klijenti, primarjament b’aktar trasparenza fil-prezzijiet.

Huwa kompla jfisser: “Dawk l-oġġetti li jiswew bejn it-tnejn u għoxrin u l-mija u ħamsin ewro, li bħalissa t-tariffi addizzjonali jitħallsu tal-ipproċessar u l-VAT Malta, il-VAT jitħallas direttament lill-bejjiegħ u hawn Malta m’hemmx iktar ħlasijiet addizzjonali għax it-tariffa tal-ipproċessar mhux se nżommuha fuq dawn l-oġġetti allura l-prezzijiet ħa jkunu irħas milli bħalissa qed iħallsu l-klijenti Maltin.”

Il-MaltaPost se tkun qed tiddikjara kull oġġett li jidħol f’Malta barra l-Unjoni Ewropea, li jfisser li se ddaħħal l-informazzjoni tal-pakkett fis-sistema elettronika tad-Dwana.

Bħal operaturi postali oħra fid-dinja, il-MaltaPost u anki d-Dwana ta’ Malta investew f’sistema elettronika internazzjonali ġdida biex tgħaġġel ir-rilaxx tal-pakketti, fl-istess waqt li sar taħriġ intensiv lil numru ta’ ħaddiema biex iħaddmu din is-sistema.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend