Notifiki

L-ewwel kappella f’Malta mgħammra b’apparat li jgħin persuni neqsin mis-smigħ

Il-Kappella tal-Qalb ta’ Ġesu f’San Vinċenz de Paul hija l-ewwel waħda f’Malta mgħammra b’apparat speċjalizzat li se jgħin persuni li jbatu minn nuqqas ta’ smigħ.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia f’quddiesa li fiha ġie inawgurat u ntuża għall-ewwel darba dan l-apparat li sar b’investiment ta’ sbatax-il elf ewro.

Il-Ministru qal li s-sistema li kien hemm kienet antika u ma kinitx qiegħda taqdi l-funzjoni tagħha tajjeb, tant li ħafna residenti kienu jilmentaw li ma jifhmux dak li jingħad waqt xi ċelebrazzjoni li ssir fil-knisja.

Għaldaqstant, sar studju biex jiġi evalwat liema hija l-aħjar sistema li għandha tintuża u, wara pariri ta’ esperti, tpoġġiet sistema li, barra l-funzjoni tagħha, se tgħin ukoll lil dawk li jbatu minn nuqqas ta’ smigħ u jagħmlu użu mill-hearing aid.

Il-Ministru Farrugia stqarr: “Din se tkun l-ewwel knisja f’Malta u Għawdex, fejn il-Knisja kollha fit-totalità tagħha ħa jkollha faċilità illi persuni li jkollhom hearing aid meta jidħlu fil-Knisja jkunu jistgħu jisimgħu l-kliem ċar mingħajr l-ebda interferenza.”

Il-Ministru spjega wkoll li din hija sistema ta’ audio induction loop, tgħin biex dak li jkun qed jingħad jiġi trażmess direttament fl-apparat tas-smigħ u jelimina kull ħoss ieħor li jkun għaddej dak il-ħin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend