Notifiki

ARA: Jiċċelebraw Jum il-Missier ma’ wliedhom u n-neputijiet tagħhom

Wara ħafna żmien, illum se nqattgħu Jum il-Missier imdawrin bit-tfal u n-neputijet. Nieklu xi ħaġa tajba u storja mill-passat ma tonqosx ukoll.

Hekk qalulna Joseph Xerri u Karmenu Bezzina, żewġ anzjani mimlijin għomor u b’enerġija żagħżugħa residenti f’San Vinċenz De Paul, li bakkru kmieni l-Ħadd filgħodu biex mat-tokki tal-Anġelus wara t-te, jiġu wliedhom u jeħduhom ġurnata magħhom għal Jum il-Missier.

ONE News żar il-binjiet ta’ Madonna Ta’ Pinu u San Ġorġ Preca f’San Vinċenz fejn evidentament kien hemm bosta anzjani ħerqana u lesti  biex joħroġu.

Minħabba r-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija, dawn l-anzjani għamlu ġimgħat sħaħ ma jistgħux jaraw lil qrabathom jew joħorġu barra.

Joseph Xerri, Ħamruniż ta’ tnejn u disgħin sena u missier ta’ ħamsa qasam magħna l-ferħ li qed iħoss illum.

Huwa qalilna, “Qed iħossni bħal għasfur u tiftaħlu l-gaġġa, ma kinux jitimawni skalora hawn imma jitmawni tajjeb ħafna. Toħroġ tħossok mod ieħor u tvarja naqa’. Illum immexmex il-fenek li lestitli t-tifla u noqgħod nara lin-neputijiet u tfal tat-tfal peress li huma żgħar u nittama li jkollna ġurnata sabiħa ħafna.”

Karmenu Bezzina, missier ta’ żewġt itfal, qalilna li bintu llum tatu sorpriża u se tieħdu għall-ikel u jara lin-neputijiet.

Huwa saħaq: “Sorpriża din tal-lum.”

Bintu, emozzjonata u bid-dmugħ f’għajnejja qalet li ilha żmien twil tistenna dan il-jum biex tkun tista’ terġa’ tgħannaq u tbus lil missierha.

Hija staqrrret magħna: “Qed nieħdu b’pjaċir li se jerġa’ jiltaqa’ mal-familja kollha, issa se neħduh jiekol u nlaqqgħu ma’ kulħadd. Ħafna emozzjonata li tarah miegħek wara dan iż-żmien kollu temozzjona ruħek. Diġà bbukjajna biex inkunu nistgħu niġu u noħorġuh. Illum ngħidlu grazzi ta’ kollox u Happy Father’s day.

U hawnhekk ħallejna lil Karmenu u Joseph imorru bil-kwiet igawdu dawn il-mumenti sbieħ mal-għeżież tagħhom li ilhom ma jaraw, mumenti li mbagħad se jmorru jirrakkuntaw u jaqsmuhom ma’ sħabhom f’San Vinċenz De Paul.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend