Se ssir riċerka biex jonqos l-impatt negattiv fuq speċi ta’ għasafar f’riskju li jiġu estinti

B’investiment ta’ tliet miljun u nofs ewro, li aktar minn żewġ miljun minnhom huma fondi Ewropej, riċerka bl-isem ta’ Life Pan Puffinus se tara li jiġu protetti żewġ speċi ta’ għasafar li jinsabu f’riskju li jiġu estinti.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarjiet fir-riżerva Naturali fis-Salina fejn intqal li dan il-proġett qiegħed isir b’kollaborazzjoni ma’ erba’ pajjiżi Mediterranji oħra u se jdum għaddej erba’ snin.

Manya Russo, il-Maniġer tal-proġett, spjegatilna x’inhu l-għan aħħari tal-istudju: “Bażikament l-għan tal-proġett huwa li ntejbu l-istat ta’ konservazzjoni ta’ dawn iż-żewġ għasafar, il-Garnija u l-Garnija Balearika u se nagħmlu dan b’attivitajiet differenti biex naraw eżatt x’inhuma l-perikli fuq il-baħar u anke fuq l-art u ntejbu n-numri, il-popolazzjoni tagħhom.”

Fost oħrajn jitħalla impatt negattiv mill-firien, għaliex huma speċi invażiva, u anke mill-bniedem minħabba storbju li kapaċi jagħmel jew jekk wieħed jistad b’mod mhux xieraq.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li dan il-proġett se jwassal sabiex dawn l-għasafar ikollhom ambjent aħjar fejn jgħixu.

Huwa stqarr: “Dan huwa eżempju ta’ kif ninvestu fondi tal-Unjoni Ewropea fi proġetti ta’ natura ambjentali fejn inti għandek l-aspett ta’ studju u ta’ konservazzjoni u anke l-fatt li għandek kollaborazzjoni ta’ għaqdiet mhux governattivi li ġejjin minn pajjiżi stati membri differenti li flimkien qed jikkollaboraw fuq xi ħaġa li tolqot, biex ngħidu hekk, il-Mediterran.”

Il-Ministru għall-Agrikultura Anton Refalo, aċċenna li dan il-proġett juri l-impenn tal-Ministeru sabiex tkompli tissaħħaħ l-ekonomija blu f’pajjiżna.

Huwa qal, “U naħseb tal-llum il-proġett juri kemm dan il-Gvern huwa impenjat biex l-ambjent jagħtih dak li hu xieraq għalih. Qegħdin ningħaqdu għalhekk naħa waħda l-ministeru tiegħi,in-naħa l-oħra wkoll l-ambjent fejn qegħdin nuru l-importanza ta’ żvilupp sostennibbli.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bird Life, Mark Sultana saħaq fuq l-importanza tal-benessere tal-għasafar għall-ġid tad-dinja.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend