Titħabbar strateġija nazzjonali biex tkompli tnaqqas ir-rata ta’ studenti li jieqfu jistudjaw kmieni

Il-Gvern nieda strateġija nazzjonali ġdida għall-konsultazzjoni biex tkompli tindirizza r-rata ta’ studenti Maltin li joħorġu mis-sistema edukattiva kmieni.

Dan tħabbar konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ indirizzata mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.

Fil-fatt, ġie spjegat kif din l-istrateġija ġdida sal-2030, tkompli tibni mal-ewwel waħda li ġiet ippubblikata fl-2015 bil-miri tagħha li kienu japplikaw sal-2020.

B’hekk tfasslet din it-tieni strateġija sabiex taġġorna wkoll il-ħidma li trid tirrifletti t-triq ‘il quddiem biex tiġġieled l-effetti u l-impatt tal-Covid-19.

Fil-konferenza, il-Ministru Caruana spjegat kif għalkemm ir-rata ta’ studenti li jtemmu l-edukazzjoni tagħhom kmieni f’pajjiżna kienet waħda mill-ftit li niżlet b’mod sostanzjali meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, bħalissa r-rata ta’ Malta ta’ dawk bejn it-18 u l-24 sena li ma ġabux 5 ‘O’ Levels fil-livel 1 sa 7 hija ta’ 16.7%, waħda mir-rati għoljin fl-Ewropa.

Il-Ministru Caruana stqarret: “In-numri huma favorevoli però sakemm jibqa’ anke parti minn persentaġġ tal-popolazzjoni studenteska tagħna li qed tbati minn dan il-fenomenu aħna rridu nkomplu naħdmu biex kemm jista’ jkun dan ninnewtralizzawh.”

Dwar din l-istrateġija l-ġdida ġie spjegat kif hija bbażata fuq tliet pilastri. Dik tal-prevenzjoni, tal-intervent u tal-kumpens.

Il-Ministru Caruana sostniet: “Aħna qed naraw l-ewwel nett il-prevenzjoni biex nevitaw milli jkollna studenti li jaslu sa dak il-punt, però mbagħad hemm il-kumpens u l-irkupru u għalhekk semmejt dak il-programm li ħabbarna ftit tal-ġranet ilu dwar is-sessjonijiet li se jsiru fis-sajf għaliex bil-pandemija l-istudenti tagħna xi ftit jew wisq tilfu.”

Dawn il-pilastri li ġew imfassla wara konsultazzjoni ma’ diversi msieħba, ikopru miżuri mhux biss il-qasam tal-edukattiv imma wkoll oqsma oħra u għalhekk tolqot Ministeri oħra.

F’kull pilastru hemm ħames miżuri li jridu jintlaħqu sas-sena 2030 bil-għan li Malta tkompli tniżżel ir-rata ta’ studenti li jtemmu l-vjaġġ edukattiv tagħhom kmieni u tkompli toffri edukazzjoni iktar ekwa u bbażata fuq ġustizzja soċjali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend