Notifiki

L-ajruport jerġa’ jibda miexi b’ritmu tajjeb

Fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju biss, mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta għaddew passiġġiera daqs kemm għaddew tul ix-xahar ta’ April kollu.

Qaltilna dan Michela Catania mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif crew ta’ ONE News żar l-ajruport sabiex isegwi l-andament hekk kif issa bdew ix-xhur turistiċi f’Malta.

Fil-fatt Catania spjegatilna kif tul Mejju u Ġunju l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta beda jerġa’ jara moviment ta’ passiġġiera sostanzjali meta mqabbel max-xhur fil-qofol tal-pandemija.

Hija qalet, “Matul ix-xahar ta’ Mejju iktar minn 75,000 passiġġier għadda minn ġo l-ajruport. Din kienet l-ewwel darba din is-sena li f’xahar inqabżu l-40,000 moviment tal-passiġġieri. Fl-istess ħin anke fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju pereżempju kellna l-istess ammont ta’ passiġġiera li għaddew mill-ajruport matul ix-xahar kollu ta’ April li għadda.”

Catania kompliet tispjega kif għax-xhur sajfin, l-Ajruport kellu jibdel u jaddatta s-servizzi tiegħu għal neċessitajiet ġodda li qed jintalbu mill-awtoritajiet, mingħajr inkonvenjent żejjed.

Spjegat ukoll kif uffiċjali tas-Saħħa Pubblika issa wkoll qed jaħdmu fl-Ajruport sabiex jiproċessaw id-dokumentazzjoni ta’ passiġġiera li jkunu ġejjin lejn pajjiżna.

Catania sostniet: “Il-passiġġieri jridu jippreżentaw tliet dokumenti li huma ċertifikat tat-tilqim li nħareġ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa ta’ Malta, PCR Test negattiv li ttieħed mhux iktar minn 72 siegħa minn qabel il-wasla tal-passiġġier fl-Ajruport ta’ Malta u Passenger Locator Form u Health Decleration Form. Dawn id-dokumenti jistgħu jiġu ċċekkjati kemm qabel mal-passiġġieri jitilqu mill-ajruport minn fejn ġejjin kif ukoll meta jiġu Malta. Kif jiġi Malta mbagħad qed jiġu ċċekkjati minn rappreżentanti tal-Aworità tas-Saħħa li qegħdin stazzjonati fil-Welcomers Hall fl-Ajruport tagħna.”

Hija rrimarkat ukoll unur prestiġjuż li rebaħ l-Ajruport fl-aħħar jiem dwar is-servizz ta’ eċċellenza u anke ndafa b’rabta mal-pandemija li joffri.

Catania temmet tgħid: “Konna wieħed minn disa’ ajruporti madwar id-dinja biss u għalhekk hija klassifikazzjoni prestiġjuża ħafna li aħna kburin biha u li għandha tkun ta’ serħan il-moħħ għall-passiġġieri li se jżuru Malta.“

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend