Notifiki

Kull kanzunetta li joħroġ kien itiha lilu biex ONE jdoqqha l-ewwel

Kien l-ewwel artist Malti li daħal fiċ-charts mużikali Ingliżi.

Żamm xahar il-Beatles milli jieħdu l-ewwel post fiċ-ċharts mużikali tal-Libanu, dak iż-żmien il-kapitali Bejrut kienet il-mekka tad-divertiment, b’għadd ta’ stabbilimenti tad-divertiment.

Jon Lukas, magħruf bħala Woodenman, kien jismu propja Frank Agius u miet fl-età ta’ 72 sena.

Jon Lukas kien ilu jissielet marda kiefra u meta anki kien l-isptar kien jikteb il-kanzunetti.

Is-suċċess internazzjonali fiċ-charts mużikali wasal bil-kanzunetta ‘Can’t Afford To Lose’ miktuba minn Gary Benson.

Lukas kien wiċċ familjari fuq ONE fuq diversi programmi fuq it-televiżjoni u saħansitra kien jippreżenta programm mużikali fuq ONE Radio.

Fil-fatt dan l-artist kbir kien fuq ONE sa mit-twelid tal-istazzjon.

Fl-2009 huwa kien beda bil-programm popolari Woodenman’s Juke Box fuq ONE Radio, programm li anki kien jixxandar fuq stazzjon tar-radju fir-Renju Unit.

Fl-1993 huwa kien viċin li jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest bi dwett ma’ Marita fil-Malta Song Festival.

Huwa kien kanta l-kanzunetta li kiteb hu stess ‘The Love We Share’.

L-istilla tar-rock Malti, Mark Storace kien kanta l-verżjoni tiegħu tal-kanzunetta ‘Can’t Afford To Lose’ bħala tislima lis-suċċessi ta’ Lukas.

B’sorpriża Lukas kien tela’ jkanta l-aħħar ftit versi tal-kanzunetta flimkien ma’ Storace.

Pierre Borg, il-preżentatur ta’ ONE Radio, li aktarx huwa l-aħħar wieħed li intervista b’mod telefoniku lil Lukas, spjegalna kif l-artist Malti kellu għatx għall-ħajja.

Saħaq kif Lukas kellu għal qalbu ħafna l-istazzjon ONE.

Spjega, “Jon Lukas ilni nafu nofs ħajti, 30 sena, laqqgħani miegħu Ray Azzopardi, dak iż-żmien kien Kap tar-Radju, u qalli ħa nlaqqgħak ma’ personalità Maltija li tgħid l-Ingilterra li la ssir tafu ħa jibqa’ ħabib għall-għomrok u ħa jibqa’ jgħinek sal-aħħar fil-mużika u hekk hu għaliex Jon Lukas kien iħobbu ħafna ir-radju tagħna. Baqa’ sal-aħħar kuljum messaġġ, kull track li ndoqq, kull diska ġdida li kien joħroġ lili kien jibgħatha l-ewwel biex indoqquha aħna l-ewwel fuq dan l-istazzjon.”

Fl-aħħar xhur, il-marda bdiet taħkem iżjed lil dan il-ġgant mużikali.

Kien kiteb waħda mill-aħħar kanzunetti bl-isem ta’ ‘Done Fighting’.

Huwa kien qal hekk fl-intervista ma’ Pierre Borg dwar kanzunetta oħra bl-isem ta’ ‘Destination Street’, l-aħħar kanzunetta mill-pinna tiegħu.

Kien qal, “Well basically, even the title, ‘Destination Street’ which is where you end up, your destination.”

Illum lil Jon Lukas insellmulu wara li wasal għall-aħħar vjaġġ tiegħu.

Nirringrazzjawh tal-kontribut kbir mużikali u fuq kollox nagħrfu li l-mużika tiegħu ma tmut qatt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend