Notifiki

Jilqgħu l-viżjoni ekonomika tal-Gvern u jfissruha bħala waħda li taħseb fit-tul

Il-viżjoni tal-Gvern għall-ekonomija Maltija għad-deċenju li jmiss imħabbra mill-Prim Ministru kienet imfaħħra minn diversi persuni minn oqsma differenti.

Huma elenkaw aspetti differenti ta’ din il-viżjoni li ser isservi bħala bażi soda mhux biss għall-għaxar snin li ġejjin iżda għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb fissret il-viżjoni tal-Gvern bħala waħda li tħares fit-tul u li minnha anki jistgħu jgawdu ġenerazzjonijiet sħaħ.

Qalet, “Hija viżjoni li ehe, taħdem fit-tul għaliex dawn huma l-fatturi li jikkontribwixxu għall-attività ekonomika jiġifieri mhumiex tal-mument. L-edukazzjoni hija xi ħaġa li dejjem għandek bżonn, l-ambjent dejjem għandek bżonnu mhix industrija t’issa bħal meta nimmiraw settur partikolari imma hija strateġija li tista’ tibni fuqha fuq ġenerazzjonijiet.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Għawdxija għall-Iżvilupp Reġjonali qal li l-viżjoni ekonomija msejsa fuq tliet prinċipji tħares fuq li l-familji jgħixu ħajja aħjar.

Spjega, “Dan id-dokument huwa verament tajjeb u tinduna li warajh hemm ċertu ħsieb. Id-dokument qed jipproponi li nħarsu lejn indikaturi li jħarsu lejn il-kwalità tal-ħajja li naħseb li hija qabża ‘l quddiem. Qed issir emfasi li forsi fil-passat ma konniex nagħmluha u qegħdin norbtu iżjed il-kwalità tal-ħajja, it-tkabbir ekonomiku mal-governanza u dawn naħseb, qegħdin nagħmlu dik il-qabża ta’ kwalità fil-mod li qegħdin naraw il-mixja tagħna bħala pajjiż fl-għaxar snin li ġejjin.”

Wayne Pisani, minn Grant Thornton għamel emfasi partikolari dwar il-konsultazzjoni mal-pubbliku dwar din il-viżjoni.

Qal, “Il-fatt li hemm il-proċess qed isir fuq konsultazzjoni pubblika huwa aspett importanti ħafna għax il-viżjoni ta’ pajjiż ma tistax tiġi biss imħaddna mill-Gvern imma ovvjament hemm il-parteċipazzjoni ta’ residenti Maltin u l-komunità Maltija.”

Lil Xuereb saqsejniha wkoll dwar l-importanza li jkollna industrija stabbli biex il-viżjoni ekonomika li tħares ukoll lejn ħiliet ġodda tal-ħaddiema tkun fattibbli.

Qalet, “L-irkupru bil-mod il-mod qed narawh. Il-fatt li l-industrija tat-turiżmu bdiet iddur ir-rota hemmhekk, nafu li għandha impatt kbir fuq l-ekonomija kollha. Kellna setturi li reġgħu tajjeb jiġifieri, manifattura reġgħet tajjeb, il-kostruzzjoni reġgħet tajjeb, parti mis-servizzi reġgħu wkoll, għandek ukoll setturi li waslu biex jirriformaw ruħhom.”

Intant meta kienet qed titħabbar il-viżjoni ekonomika tal-Gvern, Harald Rösch, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita, stqarr li s-suċċess ta’ Malta fit-tilqim kontra l-Covid-19 ser iservi ta’ pjattaforma tajba għall-investiment dirett barrani.

Spjega, “Every morning or whenever people read newspapers today and they see the rankings of the countries in the world on the vaccination success, Malta is topping that ranking and this has a strong impact. Malta has a very good framework for companies to grow, it’s a growing economy so that helps, we have stable legislation so that’s all good.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend